Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien hemm aktar minn miljun passiġġier li qasmu bejn Malta u Għawdex bit-trasport tal-baħar, jiġifieri bil-vapur ta’ Għawdex u bil-fast ferry.
Dan ħareġ minn statistika ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Jannar u Marzu qasmu bejn iż-żewġ gżejjer kważi miljun u tletin elf passiġġier. Dan filwaqt li fl-ewwel kwart tas-sena li għaddiet kien hemm iżjed minn seba’ mija u għaxart elef passiġġier. Din tfisser differenza ta’ kważi tliet mija u għoxrin elf passiġġier.
Skont l-NSO, bil-vapur ta’ Għawdex, bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, qasmu l-fliegu kważi disa’ mija tnejn u sittin elf passiġġier. Dan filwaqt li fl-istess perjodu s-sena li għaddiet kien hemm ftit iżjed minn seba’ mija u għaxart elef passiġġier li qasmu l-fliegu. Dan ifisser differenza ta’ iżjed minn mitejn u ħamsin elf passiġġier aktar meta mqabbel bejn Jannar u Marzu tas-sena li għaddiet.
Dan filwaqt li f’Jannar u Marzu ta’ din is-sena, dawk li użaw is-servizz tal-fast ferry kienu ta’ kważi sebgħin elf passiġġier.
L-aktar xahar bieżel fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien Marzu, hekk kif kważi tliet mija u ħamsa u sebgħin passiġġier qasmu bejn Malta u Għawdex. Dan filwaqt li f’Jannar qasmu ftit iżjed minn tliet mitt elf u fi Frar qasmu kważi tliet mija u ħamsin elf passiġġier.