Il-militar tal-Afrika t’Isfel bagħat eluf ta’ truppi, madwar għaxart elef, biex jgħinu fl-operazzjonijiet ta’ salvataġġ li għaddejjin fil-provinċja ta’ KwaZulu-Natal minħabba għargħar devastanti li għerreq lill-post il-ġimgħa l-oħra.
Minn tal-inqas erba’ mija u erbgħin persuna mietu minħabba dan l-għargħar u fil-preżent għaddejja tfittxija għal aktar minn sittin oħra li huma rrappurtati nieqsa. Uħud minnhom inġarru mal-qawwa tal-ilmijiet u l-valangi tat-tajn.
Il-Gvern iddikjara stat ta’ diżastru mal-pajjiż kollu.
F’indirizz lin-nazzjon it-Tnejn filgħaxija, il-President Cyril Ramaphosa ħabbar numru ta’ miżuri biex jgħinu lil dawk milquta u biex jerġgħu jinbnew żoni li tfarrku u nqerdu kompletament.
Uffiċjali tal-pajjiż qalu li dan l-għargħar huwa fost l-agħar li qatt laqtu lil din il-provinċja.