Tliet ġimgħat wara li tilef l-elezzjoni ġenerali, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech għamel ix-Shadow Cabinet tiegħu li fih ma ġew assenjati l-ebda portafoll lid-Deputati Nazzjonalisti Chris Said, Mario De Marco u Carm Mifsud Bonnici.
Fl-aħħar sigħat Bernard Grech beda jibgħat għal Deputati Nazzjonalisti u dawn bdew jiġu mgħarrfa bil-portafoll li qed itihom il-Kap, b’rapporti jgħidu li Ray Bezzina, anki jekk irriżenja kien hu li beda jagħżel x’jingħata lid-Deputati Nazzjonalisti.
Karol Aquilina, li wara li Jason Azzopardi ma telax fl-elezzjoni, sorsi qalulna li qed jassumi l-irwol tal-perċimess tal-Blue Heroes, baqa’ b’saħħtu fl-għażla tal-portafoll li ngħata u fil-fatt se jkun Kelliem għall-Ġustizzja.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna li n-nies tal-establishment Nazzjonalista li anki jkunu għall-protesti ta’ Repubblika u l-Occupy Justice insistew mal-Kap li l-portafoll tal-ġustizzja ma jieħdu ħadd ħlief xi ħadd min-nies qrib ta’ Repubblika u għalhekk ingħata lil propju ħu l-President tal-għaqda Repubblika.
Nifhmu wkoll li kien hemm it-trikki trakki meta Chris Said ma ngħatax l-inkarigu li jkun il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u għalhekk baqa’ b’xejn minħabba Alex Borg, li huwa qrib l-eks Ministru Nazzjonalista Giovanna Debono.
Hawn nifhmu li n-nies ta’ Debono riedu jpattuha lil ta’ Said.
Chris Said kien ħadem il-kampanja ta’ Bernard Grech biex tqaċċat Adrian Delia minn Kap u fil-fatt pretenda li hu jibqa’ l-Kelliem għal Għawdex.
Is-sorsi tagħna qalulna li Said għamilha ċara li jew jieħu Għawdex jew xejn.
L-istess baqa’ b’xejn Mario De Marco, li kien il-Kelliem għall-Finanzi u fil-kampanja elettorali li għaddiet ftit li xejn deher.
Għadu mhux magħruf jekk De Marco ma aċċettax dak mogħti mit-tmexxija Nazzjonalista jew ma riedx portafoll bħal ma kien għamel Adrian Delia fl-ewwel Shadow Cabinet ta’ Bernard Grech li kien sar aktar minn tliet xhur wara li laħaq Kap.
Robert Cutajar se jibqa’ Whip tal-Oppożizzjoni, filwaqt li Toni Bezzina li fil-kampanja ġie fdat biex jimbotta l-proposta tat-trackless tram, issa ngħata portafoll differenti u issa se jkun Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd.
Claudette Buttigieg, oħra tal-Blue Heroes ingħatat protafoll wiesa’ filwaqt li Beppe Fenech Adami ngħata l-portafoll ta’ Kelliem għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ biex ħa l-portafoll ta’ Carm Mifsud Bonnici li wkoll spiċċa mingħajr portafoll.
Is-sorsi tagħna qalulna li l-irwol ta’ Fenech Adami ngħata bi skop biex ikompli jibgħat il-messaġġi tal-Oppożizzjoni barra minn Malta.
Mark Anthony Sammut, li kien mar jiġbor il-firem biex jitqaċċat Adrian Delia, ħa l-qasam tal-enerġija minn ħalq Ryan Callus, li issa ngħata l-infrastruttura.
Adrian Delia din id-darba ħa l-portafoll tat-trasport wara li fix-Shadow Cabinet ta’ qabel dan ma kien aċċetta xejn.
Intant il-Viċi Kap David Agius ingħata l-irwol ta’ Deputy Speaker.