“Il-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea toffri lil pajjiżna l-opportunità biex nagħtu imbuttatura qawwija biex nagħtu ħajja ġdida lill-fidi fil-proġett Ewropew. Nawguraw li Malta tkompli ssaħħah u timplimenta l-valuri tad-dinjità umana, d-demokrazija, d-drittijiet tal-bniedem, il-ġustizzja u s-solidarjetà f’sitt prioritajiet ewlenin: il-migrazzjoni, is-sigurtà, is-suq waħdieni, l-inklużjoni soċjali, in-neighbourhood policy, u s-settur marittimu.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna f’laqgħa mal-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat.
Laqgħa li kif spjega Bro. Olivieri Poquillon, Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni tal-Konferenzi tal-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea, ssir bħala tradizzjoni kull sitt xhur mat-tmexxija l-ġdida tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Robert Innes – Isqof Anglikan ta’ Ġibiltà, innota kif fil-Kunsill tal-Knejjes Ewropej din is-sena, it-tema ewlenija kienet l-immigrazzjoni; tema ewlenija fil-Presidenza Maltija. Fakkar ukoll kif fix-xhur li pajjiżna se jkun fit-tmun se jseħħu numru ta’ elezzjonijiet importanti, kif ukoll il-possibilità tal-bidu tal-proċess Brexit.
Minn naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li ħidmet Malta se tkun iffukata fuq numru ta’ temi, fosthom biex ikun indirizzat is-sens ta’ telqa li jħossu bosta ċittadini Ewropej, li qed ibatu jew mhux igawdu kif imisshom mill-benefiċċji.
Fakkar li l-istituzzjonijiet Ewropej s’issa fallew milli jwieġbu għal dan it-tħassib, u Malta – mingħajr sens li kburija żejda – trid tindirizza dawn il-kwistjonijiet. Kwistjonijiet bħat-tqassim ġust tal-ġid, il-migrazzjoni u s-sigurtà. Żied jgħid li l-ewwel pass huwa li nifhmu u naċċettaw li dawn il-problemi jeżistu, u mingħajr ma naqtgħu qalbna, naffrontawhom. Dan anke bit-tqassim tar-responsabbiltà.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2017/01/REFLECTIONS-EU-PRESIDENCY-MALTA.pdf”]