Raġel ta’ 37 sena mill-Għargħur, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti inżamm arrestat wara li allegatament hedded li se jispara lil tliet itfal, inkluż lil bintu waqt li kellhom argument fl-Għid.
Huwa ġie mixli li żamm kontra r-rieda tagħhom lil bintu ta’ għaxar snin, tifla addottata ta’ ħmistax-il sena u ħabiba tagħhom li ukoll għandha ħmistax-il sena fid-dar tiegħu fil-Għargħur.
Ir-raġel ġie mixli ukoll li weġġa’ ħafif lit-tifla addottata tiegħu, attakka lil mara tiegħu, kien fil-pussess ta’ arma tan-nar u li kiser il-kundizzjonijiet tal-liċenzja tal-arma billi żamm l-arma b’mod mhux sigur u li ħoloq biża’ ta’ vjolenza fuq martu u t-tfal.
Il-Prosekuzzjoni qalet kif irċeviet rapport ta’ argument domestiku li eskala meta kien hemm l-involviment tal-arma tan-nar.
L-Ispettur John Spiteri spjega kif il-koppja tinsab għaddejja minn proċeduri ta’ separazzjoni.
Allegatament r-raġel keċċa lil mara mid-dar imma aktar tard talabha tmur lura iżda hi rrifjutat.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li d-Difiża għamlet talba għal-libertà proviżorja.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba filwaqt li argumentat li tinsab ikkonċernata hekk kif waħda mit-tfal ħadet recording ta’ dak li ġara.
L-akkużat li għaddej minn kura psikjatrika kellu t-talba għall-libertà proviżorja miċħuda minħabba l-biża’ li tkun mittiefsa l-evidenza jew ikunu immanipulati l-allegat vittmi.
Il-Qorti ordnat ukoll lill-Prosekuzzjoni sabiex tressaq lix-xhieda tagħha mill-aktar fis filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni li żżomm lil akkużat milli jersaq lejn l-allegat vittmi.