Jason Attard ta’ 46 sena residenti Santa Venera ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li seraq minn tliet postijiet differenti u pprova jisraq minn żewġ postijiet oħra.
Ir-raġel ġie mixli li fis-26 ta’ Marzu seraq minn ħanut tal-logħob f’Ħal Qormi ma’ persuna oħra u li żammew persuna kontra r-rieda tiegħu filwaqt li kellhom arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr permess.
Attard kien akkużat ukoll li flimkien ma’ persuna oħra, fis-27 ta’ Marzu serqu flus minn ħanut tad-doughnuts f’Ħal Qormi u f’każ separat serqu flus minn fuq persuna f’Ħal Kirkop.
Iż-żewġ persuni kienu akkużati ukoll b’tentattiv ta’ serqa minn ħanut tal-logħob fil-Ħamrun filwaqt li Attard ġie akkużat b’tentattiv ieħor ta’ serq minn ħanut tal-ikel f’Ħal Qormi.
Fl-aħħar każ huwa ġie mixli ukoll li żamm persuna kontra l-volonta tagħha meta kellu arma bil-ponta mingħajr permess filwaqt li għamel ħsara fuq il-propjetà ta’ terza persuna.
Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, Attard ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih.
Fil-Qorti kien innotat ukoll li l-akkużat għandu problema bid-droga kif ukoll li huwa lest jirrifondi sehmu filwaqt li jagħmel tajjeb għall-ħsarat li għamel.
Il-fedina penali tal-akkużat ittieħdet ukoll inkonsiderazzjoni filwaqt li ma kinitx waħda allarmanti.
L-akkużat ġie ordnat biex żmien tliet xhur iħallas ftit aktar minn elfejn u mitejn ewro għall-ħsarat li għamel u għal flus li seraq.
Barra minn hekk ġie ordnat iħallas ukoll nofs l-ispejjeż tal-esperti tal-Qorti.