Jean Claude Fava ta’ 22 sena u Gareth Chlach ta’ 23 sena li jgħixu Bormla, ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li wieġbu mhux ħatja għal akkużi ta’ serq u ksur ta’ kundizzjonijiet tal-Qorti.
Din mhijiex l-ewwel darba li l-akkużati xellfu difrejhom mal-ġustizzja, hekk kif Fava kien akkużat bi traffikar ta’ droga, filwaqt li Chlach kien akkużat b’serq u li sawwat lis-sieħba tiegħu.
Fil-Qorti nstema’ kif il-Pulizija kienu rċievew telefonata anonima li żewġt irġiel kienu mexjin fit-triq b’ċertu oġġetti.
Meta l-Pulizija waslu fuq il-post, huma arrestaw liż-żewġ imputati, u wara tfittxija fir-residenzi tagħhom allegatament instabu diversi oġġetti li fihom ammont sostanzjali ta’ ramm.
Il-prosekuzzjoni spjegat li allegatament instabu wkoll ħwejjeġ li setgħu intużaw f’reati oħra.
Id-difiża stqarret li l-affarjiet li allegatament insterqu, ġew elevati minn bini abbandunat.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, liema talba intlaqgħet mill-Qorti fuq diversi kundizzjonijiet, fosthom li jirrapportaw fl-għassa ta’ Bormla u Ħaż-Żabbar kuljum.