L-artist Malti bbażat fir-Renju Unit, Dan Grech, ħadem fuq il-kanzunetta li se tirraprepreżenta lir-Renju Unit fis-sitta u sittin edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, f’Mejju li ġej.
F’intervista esklussiva li kellu ma’ ONE News il-kant-awtur li ser ikun l-ambaxxtur tar-Renju Unit, Sam Ryder qasam dak li jaħseb dwar Malta.
Kien hawnhekk li semma’ lil Dan Grech, fejn qal kif il-kanzunetta ‘Space Man’ tinstema’ kif tinstema’ grazzi għat-talent Malti.
Ryder tenna, “A huge big up to Dan Grech, who is from Malta, who mixed the song for me. So the reason that Space Man sounds the way it does is because of the Maltese wonder Dan Grech.”
Ryder spjega kif il-kanzunetta rat il-konċepiment tagħha madwar sena u nofs ilu meta kitibha ma’ Max Wolfgang u Amy Wadge, kittieba li rebħet Grammy Award bil-kanzunetta ‘Thinking Out Loud’ ta’ Ed Sheeran.
Sam jinnota kif qatt ma kienet l-intenzjoni tiegħu li l-kanzunetta kienet ser tasal biex tirrapreżenta lir-Renju Unit fil-konkors prestiġġjuż tal-Eurovision.
L-artist Ingliż jgħid kif sa minn mindu kien għadu tfajjel kien jsegwi l-Eurovision però kien f’Marzu tal-2020 meta sar magħruf mal-erbat irjiet tad-dinja.
Dan minħabba li kien itella’ cover versions ta’ diversi kanzunetti fuq il-pjattaforma ta’ TikTok, fejn illum għandu ’l fuq minn tnax-il miljun persuna jsegwuh, l-aktar artist segwit fir-Renju Unit.
Kienu bosta dawk li ddeskrivew il-kanzunetta Space Man bħala ‘instant hit’ minħabba l-vuċi impekkabbli ta’ Ryder u li mistennija tagħmel ġieħ lir-Renju Unit fil-konkors ġewwa Turin, l-Italja.
Fl-intervista ma’ ONE News, Ryder ma naqasx milli jfaħħar lill-artista Maltija Emma Muscat li ser tirrapreżenta lil Malta fil-Eurovision ta’ Mejju li ġej.
Ryder qal kif iltaqa’ ma’ Muscat bosta drabi fosthom f’Amsterdam u f’Londra fejn ġibdu ukoll xi filmati flimkien.
Sam stqarr, “Yeah, we’re getting along well. We made some funny videos in Amsterdam. But I’am sure we should at some point sing.”