It-Tour Internazzjonali ta’ Malta kompla llum is-Sibt, b’tiġrija tar-Road fuq iċ-ċirkwit ta’ San Martin, tiġrija ta’ 88 kilometru għal Elite (10 dawriet) u 53 kilometru għan Nisa u Masters (6 dawriet).
Kien l-Isvizzeru Dominic Kunz ta’ Amore e Vita – KIBAG-Obor li fi sprint finali bejn erba’ ċiklisti li rebaħ it-tieni tappa f’ħin ta’ 2:32:44, frazzjoni ta’ sekonda qabel sieħbu Johannes Glameyer u metru wara daħal il-Malti Awstraljan Dan Bonello tat-Team Oleka li spiċċa bl-istess ħin ta’ 2:32:45. L-istess Bonello madankollu baqa’ l-lider tat-Tour b’ħin ta’ 2:55:02.
l-Ingliża Matilde Pauls ta’ 1904RT – UK rebħet ukoll din it-tappa fil-Kategorija tan-Nisa meta temmet is-sitt dawriet f’ħin ta’ 1:46:59. Fit-tieni post spiċċat Ingliża oħra Gabriella Nordin ta’ Team Jadan – UK f’ħin totali ta’ 1:47:29, filwaqt li c-champion Maltija Marie Claire Aquilina tat-tim Greens spiċċat it-tielet f’ħin totali ta’ 1:47:44. Matilde Pauls żammet il-kmand tal-klassifika tan-Nisa b’ħin ta’ 2:11:31.
Fil-Kategorija Masters reġa’ ħareġ rebbieħ l-Ingliż Dave Mitchinson ta’ Cinnamon Café Contour Cycles Drunk Race Team – UK f’ħin ta’ 1:39:38. Tul ta’ rota inqas u bl-istess ħin daħal Etienne Bonello tat-tim Greens, filwaqt li l-Ingliż Martin Lawless (Cycle Club Ashwell) reġa spiċċa t-tielet f’ħin ta’ 1:39:43. Dave Mitchinson żamm il-kmand tal-klassifika tal-Masters b’ħin ta’ 2:02:26, għaxar sekondi qabel Etienne Bonello.
Fi tmiem din it-tappa saret il-preżentazzjoni tal-medalji u l-flokkijiet il-ħomor lir-rebbieħa kollha minn Daniel Borg Olivier, Teżorier tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu.
It-Tour jittemm għada l-Ħadd 17 ta’ April 2022, fuq iċ-ċirkwit tal-Bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ b’Road Race fuq distanza ta’ 63.5 kilometru Elite u Juniors (15 dawriet) u 43 kilometru Nisa u Masters (12 dawriet). Il-bidu tat-tiġrijiet ikun fit-8.00am.