Il-poplu Malti u Għawdxi reġa’ wera kemm għandu qalb kbira hekk kif fil-maratona b’risq Puttinu Cares li saret matul il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira nġabret somma rekord ta’ tliet miljun, mija u tlieta u tletin elf u erba’ mija u tletin ewro.
Dawn il-fondi primarjament se jmorru biex tinxtara binja ewlenija fiċ-ċentru ta’ Londra fejn tkun tista’ tilqa’ fiha familji li jkollhom xi ħadd għażiż bżonn kura fi sptar fl-Ingilterra.
Dawn l-appartamenti li se jissemmew għat-Tabib Victor Calvagna, it-Tabib tant maħbub u fundatur ta’ Puttinu Cares li miet kmieni din is-sena, huma viċin ħafna ta’ sptarijiet li jintużaw minn familji Maltin.
B’hekk se jonqos l-iskariġġ fost sfidi oħra li jkunu għaddejjin minnhom dawn il-familji minħabba l-mard.
Il-maratona b’risq Puttinu Cares ixxandret fuq l-istazzjon ONE, fost stazzjonijiet televiżivi lokali oħra.
F’isem il-Gvern Malti, il-Prim Ministru Dr Robert Abela għamel referenza għal ftehim li laħaq il-Gvern ma’ Puttinu Cares biex tinxtara l-binja fiċ-ċentru ta’ Londra u ta €50,000 mill-Fond għall-Kawżi Ġusti biex dan il-proġett massiċċ u ta’ fejda jkun jista’ jsir.
Kienu bosta nies u anki intrapriżi li taw donazzjonijiet notevoli lil Puttinu li anki wassal stejjer ta’ qsim il-qalb u oħrajn ta’ suċċess fost il-ġid kbir li tagħmel din l-għaqda.
Ritratt: Puttinu Cares