Uffiċini fiċ-ċentru Esplora nbidlu fi kmamar tas-sodda għal għaxar familji Ukreni li ħarbu minn pajjiżhom minħabba l-gwerra.
Dan sar bl-għajnuna ta għadd kbir ta’ voluntiera u impjegati tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.
L-impjegati li jaħdmu f’dawn l-uffiċini qed jaħdmu mid-dar.
Is-sodod u l-għamara ġew pprovduti mingħajr ħlas minn għadd kbir ta’ kumpaniji li offrew l-għajnuna għal din il-kawża ġusta.
Il-familji se jitħallew joqogħdu sakemm ikun hemm bżonn, u la se jħallsu għall-akkomodazzjoni u lanqas għas-servizzi pprovduti, inkluż ikliet regolari mil-kafetterija tal-Esplora.
Il-familji Ukreni ġew Malta mill-Ajruport ta’ Varsavja permezz ta’ titjiriet b’xejn.
Iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Jeffrey Pullicino Orlando qal kemm huwa ta’ sodisfazzjon li tara lil dawn il-familji Ukreni jsibu kenn f’Malta.
Qal, “M’hemm l-ebda limitu, mhux se tgħidilhom wara 3 xhur tista’ tmur, ma tafx meta tispiċċa din is-sitwazzjoni fl-Ukrajna u dawn aħna se niggarantixxu li mingħajr ħlas ta’ xejn jibqgħu magħna sakemm ikun hemm bżonn.”
Alexandra Cosma, li hija ċ-Chief Operating Officer ta’ istituzzjoni medika f’pajjiżna, qalet li huwa importanti li jkun hemm l-għajnuna neċċessarja għal dawn il-familji milquta mill-gwerra.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Fondazzjoni KENUP, Holm Keller irringrazzja lil dawk kollha li għenu biex jipprovdu kenn sigur lil dawn il-familji.