Il-Ministeru għas-saħħa ħareġ twissija dwar it-temperaturi baxxi u l-kesħa li qed tolqot il-gżejjer Maltin. Ġie spjegat li l-effetti tal-kesħa jistgħu jwaslu għal problemi ta’ saħħa speċjalment għall-anzjani li għandhom ‘il fuq minn 65 sena, persuni li qed ibatu minn xi mard kroniku jew għandhom problemi ta’ mobiltá.
Il-parir li ngħata mill-Ministeru għas-saħħa kien li dawn il-persuni jikkunsmaw ikel u xarbiet sħan u li jżommu t-temperatura fi djarhom f’medja ta’ 18-il grad.
Fi stqarrija l-Ministeru appella biex il-purtieri jinżammu magħluqa ma nżul ix-xemx bl-għan li s-sħana tibqa’ ġewwa. Persuni li m’għandhomx problemi ta’ mobbiltá, għandhom iżommu ruħhom attivi. Appell ieħor kien għall-qraba u l-ħbieb ta’ persuni li għandhom xi kundizzjoni biex joffru l-assistenza tagħhom lill-anzjani jew persuni li jgħixu waħedhom.
Il-Ministeru għas-saħħa fakkar ukoll li t-tilqima tal-influwenza staġjonali għadha disponibbli bla ħlas miċ-ċentri tas-saħħa kollha għar-residenti Maltin.