Kulħadd jiftakar il-grawnd Maracana f’Rio, fejn intlagħbet il-finali tat-Tazza tad-Dinja 2014, bil-Ġermanja joħorġu rebbieħa 1-0 fuq l-Arġentina bil-gowl uniku skurjat minn Mario Gotze.
Sfortunatament, bħalma ġralhom grawnds Olimpiċi oħra, il-Maracana inbidel f’post fantażma. Dan skont Carolina Oliveira Castro mill-gazzetta Brażiljana O Globo.
L-istess grawnd, mibni fl-1950, ospita ċ-ċerimonja tal-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja u diversi mill-avvenimenti l-kbar tal-Olimpjadi ta’ Rio.
Skont il-Huffington Post, intefqu sitt mitt miljun dollaru Amerikan f’rinovar bi preparazzjoni għall-istess kompetizzjoni tat-Tazza tad-Dinja.
Il-ġurnalista Castro rrappurtat li ħadd ma resaq biex ikompli jmantni l-bini, bil-gvern Brażiljan iweħħel fil-Kumitat Organizzattiv ta’ Rio għan-nuqqas ta’ manutenzjoni.
Skont Castro, il-ħaxix nixef u tħammeġ, l-għamara mis-swali u żoni miftuħa nsterqet, l-ikel tħalla fiż-żoni fejn ibiegħu u qtates tat-triq idur fil-bini bla ebda xkiel.
Innutat ukoll li fil-parti ta’ ġewwa tal-grawnd, ir-riħa tal-moffa tinxtamm sew. O Globo ġibed filmat tal-grawnd, li ospita attivita tal-football f’Diċembru. Filmat li juri l-ħaxix ħażin u t-taqlib fl-għamara. Biċċiet mis-soqfa waqgħu ukoll.
Sfortunatament, din hija xi ħaġa komuni f’dawn it-tip ta’ grawnds, u qabel ma jinstab qbil bejn il-gvern Brażiljan u l-Kumitat Organizzattiv ta’ Rio, il-possibilta hi li l-bini jkompli jiddeterjora.