AĠĠORNAT BI STQARRIJA UFFIĊJALI TAL-PULIZIJA fid-8:52am
Fi stqarrija l-Pulizija kkonfermat storja li żvela ONE News li ġew arrestati persuni b’rabta mal-omiċidju ta’ Mario Farrugia ta’ 62 sena.
Il-Pulizija qalet li fil-fatt arrestat erba’ persuni Maltin u barranin.
L-erba’ persuni huma żewġt irġiel u żewġ nisa, fejn ONE News jista’ jikkonferma li tnejn minnhom huma Malti u Libjan.
Il-Pulizija qalet li saret operazzjoni konġunta mifruxa fi tliet lokalitajiet immexxija mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, flimkien mad-Distrett ta’ San Ġiljan u uffiċjali tal-Laboratorju tax-Xjenza Forensika tal-Pulizija.
Ġie spjegat li kien wara s-sitta tal-bieraħ filgħaxija xħin il-Pulizija ċċirkondaw tliet postijiet differenti f’Ħ’Attard, fl-Imsida u fil-Mosta.
F’residenza f’Ħ’Attard ġie arrestat raġel; żewġ persuni oħra, raġel u mara ġew arrestati f’residenza fl-Imsida, u mara oħra ġiet arrestata f’dar fil-Mosta.
Mill-postijiet fejn saru l-arrestati, ġew elevati diversi affarijiet li jistgħu jkomplu jgħinu fl-investigazzjonijiet.
L-erba’ persuni qegħdin jinżammu fil-lock-up tad-Depot u matul il-jum se jkunu qegħdin jiġu interrogati b’rabta mal-omiċidju ta’ Farrugia.
AĠĠORNAT fit-8:26am
Aktar dettalji esklussivi minn ONE News hekk kif dan is-sit jinsab f’pożizzjoni li jiżvela wkoll li l-persuni arrestati huma Malti u Libjan li ilu jgħix ħafna f’Malta.
Huma ġew arrestati fl-aħħar sigħat f’Ħ’Attard b’suspett marbut mal-qtil ta’ Mario Farrugia.
AKTAR QABEL
ONE News jinsab infurmat li l-Pulizija arrestat żewġ persuni b’rabta mal-qtil ta’ Mario Farrugia ta’ 62 sena minn Pembroke.
Minkejja rapporti oħra li ġiet arrestata persuna waħda, ONE News jista’ jiżvela li fil-fatt ġew arrestati żewġ persuni.
Fl-aħħar sigħat il-Pulizija fil-fatt wettqet operazzjoni f’Ħ’Attard.
Farrugia nstab maqtul fil-bagoll tal-karozza tiegħu nhar it-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra wara li kien ilu madwar ġimgħa rrappurtat nieqes.
ONE News kien żvela wkoll li hu nqatel b’45 daqqa ta’ sikkina, b’dawk fatali jkunu fil-qalb u l-pulmun.
Mill-investigazzjonijiet sa issa jidher li Farrugia ma nqatilx fil-post fejn instab mejjet jiġifieri fi Triq il-Wied f’Ħal Qormi, iżda l-Pulizija qed timxi fuq it-teżi li hu ttieħed hemmhekk wara li nqatel.
Il-katavru tiegħu kien instab fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni u fil-fatt kellhom ikunu testijiet tad-DNA li jikkonfermaw l-identità tiegħu.
Bl-iżvilupp tal-arrest ta’ żewġ suspettati involuti fil-qtil nifhmu li l-Pulizija tinsab fil-qrib li anki ssolvi dan l-omiċidju.