Ir-rata ta’ żgħażagħ meqjusa bħala vulnerabbli f’Malta, kemm dawk li jgħixu mal-ġenituri u oħrajn li jgħixu għal rashom, hija ferm aktar baxxa meta mqabbla ma’ żgħażagħ illi jgħixu f’pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
Dan joħroġ minn statistika maħruġa mill-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat.
Din l-istatistika turi li r-rata medja ta’ faqar fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni Ewropea kienet ta’ sbatax punt tmienja fil-mija għal dawk li jgħixu mal-ġenituri u ħamsa u għoxrin punt disgħa fil-mija għal dawk li jgħixu għal rashom.
Dawn iċ-ċifri jikkuntrastaw b’mod qawwi mal-persentaġġi iżgħar Maltin b’għaxra punt sitta fil-mija u tmienja punt sebgħa fil-mija rispettivament.
Ir-rata ta’ dawk li jgħixu mal-ġenituri naqset bin-nofs fuq tmien snin, filwaqt li r-rata ta’ dawk li jgħixu għal rashom naqset ukoll.
Intant kien hemm ukoll xejra pożittiva fir-rata tal-faqar u l-esklużjoni f’Malta mqabbla ma’ dik Ewropea.
Mill-istatistika tal-Eurostat jirriżulta wkoll li ż-żgħażagħ għandhom intensità baxxa ta’ xogħol jew low work intensity fis-seba’ u għoxrin stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Jirriżulta li l-persentaġġ ta’ żgħażagħ li għandhom bejn is-sittax u d-disgħa u għoxrin sena, u li jaħdmu inqas minn tmien sigħat fil-ġimgħa u li għadhom jgħixu mal-ġenituri tagħhom huwa tmienja punt tmienja fil-mija tal-popolazzjoni totali tal-istati membri.
Min-naħa l-oħra, dawk li jgħixu għal rashom u jaħdmu ftit sigħat kienu tmintax punt wieħed fil-mija.
Dawn iċ-ċifri jikkuntrastaw mal-persentaġġi iżgħar li għandu pajjiżna, b’erbgħa punt tmienja fil-mija u tnejn punt tlieta fil-mija rispettivament.
Dan ifisser li l-proporzjon ta’ żgħażagħ Maltin li jgħixu f’ambjent fejn l-intensità tax-xogħol hi baxxa huwa żgħir.
Dan joħroġ l-aktar evidenti fost dawk iż-żgħażagħ li jgħixu għal rashom f’Malta.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal spjega li dawn ir-riżultati ġew wara d-dħul ta’ numru ta’ inċentivi tal-Gvern li jinċentivaw ix-xogħol bħall-istipendju, l-in-work benefit u bħat-tapering of benefits.
Qal, “Dawn huma inizjattivi u miżuri importanti li, kif rajna minn dawn iċ-ċifri, qed jikkontribwixxu biex ikun hemm tnaqqis taċ-ċifri tal-faqar fost iż-żgħażagħ.”