L-istati membri tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea nnutaw l-avvanzi li Malta għamlet fejn tidħol is-saltna tad-dritt permezz tar-riformi li saru matul l-aħħar snin.
Dan kien rifless fid-diskussjoni li seħħet waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Lussemburgu.
Dawn inkoraġġew lil Malta biex tkompli timxi fuq dawn il-passi.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg, li sostna illi l-ħidma li pajjiżna għamel tul dawn l-aħħar xhur u snin, b’din qed tiġi mfaħħra mill-Kummissjoni Ewropea.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Ian Borg fakkar kif pajjiżna għamel riformi kostituzzjoni importanti.
Borg tenna, “Kien hemm numru ta’ pajjiżi, fosthom Malta illi dwarha l-Kummissjoni Ewropea tkellmet fuq il-progress li qed isir dwar is-saltna tad-dritt u l-membri stati għaddew dak il-ħsieb tagħhom. Kellha rapport pożittiv ħafna dwar il-bidliet li għamilna fil-ħatriet, jekk hux tal-President, kif ħtarna l-Prim Imħallef, rigward il-ġudikatura u allura issa l-indipendenza sħiħa f’min japponta l-ġudikatura minn dak tal-poteri tal-Gvern, li kellu għal għexieren ta’ snin.”
Il-Ministru Borg tkellem ukoll dwar ir-riformi li qed jagħmel pajjiżna fis-settur tal-midja fejn fost oħrajn tkellem dwar ix-xogħol li qed jagħmel il-kumitat ta’ esperti tal-midja.
Huwa spjega wkoll kif għad fadal xi jsir biex pajjiżna jkun jista’ jibqa’ miexi ’l quddiem.
F’dan il-Kunsill ġiet addottata ukoll il-leġislazzjoni li tiżgura u tassigura l-provvista ta’ mediċini għal Malta, l-Irlanda u Ċipru għat-tliet snin li ġejjin.
Il-Ministru Birg saħaq, “Ġibna d-deroga sabiex għat-tliet snin li ġejjin inkunu nistgħu nibqgħu nixtru l-mediċina mir-Renju Unit. Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea, nafu li ħafna mis-swieq taħgna fuq il-mediċini huma dawk mar-Renju Unit, anki minħabba l-lingwa u allura kien hemm ħafna nies illi kienu mħasba fuq dan il-ftehim u allura dik issa ġiet riżolta għas-snin li ġejjin.”