Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija u r-restrizzjonijiet marbuta magħha, din is-sena se nkunu nistgħu nerġgħu ngawdu għadd ta’ wirjiet ta’ bosta dilettanti marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa.
Waħda minn dawn il-wirjiet hija l-wirja ‘La Semana Santa de Espana fl-Imqabba’, li b’differenza minn wirjiet oħra tradizzjonali, din tiffoka kompletament fuq il-Ġimgħa Mqaddsa fi Spanja partikolarment fuq ir-reġjun ta’ Andalucia, bħal ma huma l-ibliet ta’ Sevilla u Malaga.
Michael Chetcuti, li huwa membru fil-fratellanza tal-esparanjza Macarena tal-bażilika ta’ Sevilla spjega magħna li fi Spanja ċ-ċelebrazzjonijiet imorru lil hinn mill-ġurnata tal-Ġimgħa l-Kbira għaliex jibdew minn Ħadd il-Palm u jispiċċaw sal-għada ta’ Ħadd il-Għid.
Is-Sur Chetcuti qal ukoll li f’Sevilla fis-sbieħ il-jum tal-Ġimgħa l-Kbira, il-ġemgħa tingħaqad flimkien quddiem il-Katidral fejn tiġi mfakkra l-ġrajja minn meta Ġesù deher quddiem Pilatu sat-tisliba tas-salib fuq il-Golgota, filwaqt li f’Malaga, issir purċissjoni fejn jindaqqu diversi marċijiet reliġjużi, b’rabta mat-tema tal-Ġimgħa l-Kbira.
Chetcuti tenna, “Il-baned li huma b’saħħithom ħafna, il-baned Spanjoli, anke l-ħwejjeġ tagħhom huma kollha differenti ħafna, minn jkun liebes l-aħmar, blu għandhom ċertu rakkmu, għax għandhom ħafna trumbetti, ħafna minnhom, ikunu baned bħal tagħna imma akbar, iddoqqu marċi tal-okkażjoni, għandhom marċijiet funebri li huma differenti minn tagħna imma għandhom hafna marċi tal-pass u mexxejja.”
Is-Sur Chetcuti, li huwa l-moħħ wara din il-wirja f’Malta, spjega li din il-wirja tikkonsisti fil-fuq minn mitejn vara li huma repliki ta’ dawk li naraw fl-ibliet Spanjoli.
Wieħed jista jinnota l-ilbies li huma mlebbsin dawn il-vari li huma maħduma minn drapp fin u rrakkmat, uħud minnhom permezz ta’ ħajt tad-deheb u anke tal-fidda.
Dan ix-xogħol artistiku u artiġġjanali huwa maħdum minn għadd kbir ta’ voluntiera Mqabbin li huma partitarji tas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija.
Michael Chetcuti stqarr, “Tipprepara minn qabel għal dan ix-xogħol, huwa xogħol rikk u delikat. Jien nagħmlu bil-qalbi għax jien la nħobb il-ħaġa, hemm il-passjoni fiha, nagħmluha b’ċertu qalb.”