Id-dejn fil-partit ta’ Bernard Grech għadu jlaħħaq madwar it-tletin miljun ewro.
Żvelat dan il-gazzetta Illum, hekk kif irrappurtat li sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista baqgħet waħda mwergħa.
B’dan id-dejn mistenni jkompli jiżdied, hekk kif waqt il-kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista kellu telf ta’ madwar tliet mitt elf ewro.
Il-gazzetta qalet ukoll li f’Awwissu li għadda, id-Dipartiment tal-VAT kien bagħat ittri lil diversi uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista illi talabhom biex iħallsu eluf kbar ta’ flus f’VAT pendenti.
Skont din il-gazzetta, f’din l-ittra ntqal illi l-pendenzi tal-VAT li jlaħħqu l-miljuni u kellhom jitħallsu sa tletin jum wara.
Sors mid-Dar Ċentrali li tkellem ma’ din il-gazzetta qal kif dak kollu li bena Robert Arrigo f’dak li għandu x’jaqsam il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista, inħatt.
Ma’ din il-gazzetta, is-sorsi mid-Dar Ċentrali wissew li l-ikrah għadu ġej, hekk kif hemm miljuni kbar li jridu jingħataw lura fl-iskema sigrieta taċ-ċedoli sal-elfejn sitta u għoxrin.
Dawn qalu mal-gazzetta kif se jingħataw lura dawn il-flus, li jlaħħqu l-miljuni, sena qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dawn fakkru wkoll li apparti t-telf li qed tagħmel il-midja Nazzjonalista, hemm ukoll madwar miljun ewro x’jitħallsu mill-Patria Trust, jiġifieri l-flus li ġejjin mill-bejgħ tal-każini.
Kien lura fl-elfejn u sittax, taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil, meta l-Partit Nazzjonalista fetaħ l-iskema sigrieta taċ-ċedoli, fejn permezz tagħha persuni jinvestu fil-Partit Nazzjonalista u wara għaxar snin jieħdu lura l-kapital bl-interessi.
Sena wara, jiġifieri fl-elfejn u sbatax kien irrappurtat illi minn din l-iskema kienu ġew investiti iżjed minn tliet miljun ewro , waqt li Robert Arrigo fl-elfejn u għoxrin saħaq li ftit jiem kienu saru madwar mitt kuntratt taċ-ċedoli. B’dawn waħidhom ilħaqu għal miljun ewro.
Is-sorsi li tkellmu mal-gazzetta Illum qalu kif il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech, minn dak li ngħad lillhom, jibqa’ jirrifjuta li jiddiskuti dawn l-affarijiet mill-aktar importanti għall-Partit Nazzjonalista.