Żona abbandunata ta’ madwar 8,500 metru kwadru fil-Mosta se tinbidel f’picnic area għat-tgawdija tal-familji. Din iż-żona se tissemma għall-memorja tat-Tabib Victor Calvagna. Fil-fatt, f’inizjattiva ma’ Puttinu Cares, Parks Malta se tħawwel siġra għal kull donazzjoni ta’ tliet mitt ewro jew aktar lill-Puttinu Cares. Ġie mħabbar li kull siġra se ġġorr tabella li ssellem il-memorja ta’ dawk li ħallew din id-dinja minħabba l-marda kiefra tal-kanċer, jew ta’ dawk li għelbuha.
F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli, intqal li Parks Malta se tkun responsabbli mill-manutenzjoni u ż-żamma ta’ din iż-żona miftuħa u fil-fatt iż-żona se tisbieħ ukoll bit-tpoġġija ta’ numru ta’ bankijiet għall-pubbliku.
Il-Ministru Miriam Dalli qalet li l-għan ta’ din l-inizjattiva hija li tibqa’ mfakkra l-memorja ta’ Dr Calvagna li kien ta’ spalla u ta’ faraġ għal diversi pazjenti u familji Maltin.
Dalli tenniet, “Permezz ta’ dan il-proġett qed nikkolaboraw ma’ Puttinu Cares, biex il-Maratona tal-ġbir ta’ Fondi tal-15 ta’ April verament tkun waħda sinifikanti għaliex irridu nfakkru l-memorja ta’ Dr Victor Calvagna. Victor Calvagna rnexxielu jagħti ħajja ġdida lil ħafna u ħafna tfal u l-familji tagħhom. Permezz tal-inizjattiva li niżirgħu siġra għal kull tliet mitt ewro donazzjoni jew aktar, inkunu qegħdin nagħtu aktar ħajja lill-poplu Malti u Għawdxi kollhu għax wara kollox irridu li nagħtu aktar żoni ħodor u miftuħa lill-familji tagħna, u hekk se nagħmlu fil-Mosta.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Puttinu Cares Rennie Zerafa qal li l-għan ta’ din il-maratona huwa li tagħti appoġġ lil pazjenti u l-qrabathom filwaqt li se tinbena akkomodazzjoni ġdida fl-Ingilterra.
Zerafa qal, “Din l-inizjattiva hi tant sabiħa li permezz tagħha jissebbaħ l-ambjent u bil-ħila tagħha minn se jagħti pledge, se jkollu siġra mħawla għal xi ħadd għażiż fil-familja tiegħu.”
F’din l-istess konferenza ntqal li l-gvern u Parks Malta impenjati biex bil-ħidma tagħhom joffru aktar spazji miftuħa għat-tgawdija tal-pubbliku ġenerali.
Preżenti għat-tnedija ta’ dan il-proġett kien hemm il-familja ta’ Dr Victor Calvagna.