Applikazzjoni li proponiet r-razzett tal-baqar qrib il-Victoria Lines, limiti tal-Magħtab u n-Naxxar u permess separat għall-grada li kienet qed tagħlaq l-aċċess għall-Baħrija, limiti tar-Rabat ġew irrifjutati mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Ir-razzett bil-faċilitajiet anċillari tiegħu, kien qed jiġi propost li jsir barra miż-żona tal-iżvilupp f’żona magħrufa bħala Ir-Raba’ Ta’ San Pietru.
Din iż-żona hija klassifikata bħala waħda ta’ valur għoli.
B’hekk fuq parir tad-Direttorat għall-Immaniġġjar tal-Iżvilupp, il-Kummissjoni tal-Awotrità tal-Ippjanar qalet li dan il-proġett ser ikun qed iħalli impatt viżwali negattiv fuq il-madwar.
L-iżvilupp propost kien imur kontra ukoll il-Politika Rurali u Gwida tad-Disinn maħruġa fl-2014, li l-post tal-iżvilupp huwa qrib wisq għal post minn fejn jinġieb l-ilma għax-xorb.
Fil-permess l-ieħor, dwar il-grada qrib żona Natura 2000, kienet qed tingħalaq mogħdija li ilha aktar mill-1967 bl-iskop li tagħlaq l-aċċess għal pubbliku.
B’hekk il-grada tmur kontra l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp li jħares il-protezzjoni tar-riżorsi kostali għal użu rikreattiv.