L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Wheelchair Basketball qed tħejji għad-debutt tagħha fix-xena internazzjonali. It-team malti tal-Wheelchair Basketball jinsab għaddej bl-aħħar tħejjijiet sabiex jieħu sehem fl-ewwel kompetizzjoni internazzjonali tiegħu. Dan se jsir fit-turnament ta’ kwalifikazzjoni tal-IWBF Europe Euro Cup.
Dettalji ingħataw illum wara nofs-in nhar waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali.
Din il-kompetizzjoni qed tiġi organiżżata mill-Federazzjoni Ewropeja tal-Wheelchair Basketball. It-turnament ta’ kwalifikazzjoni se jsir f’Lille fi Franza bejn il-21 u l-24 ta’ April. Apparti Malta, t-timijiet li se jieħdu sehem ġejjien minn Franza, Belġju u Armenja.
Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’dan it-turnament prestiġjuż fi Franza se jkun pass ieħor importanti fl-istorja ta’ dan l-isport f’pajjizna.
Dan il-pass importanti seta’ jseħħ hekk kif madwar sena ilu l-Federazzjoni Ewropeja tal-Wheelchair Basketball approvat lill-assoċjazzjoni maltija bhala membru sħiħ. B’hekk l-assocjazzjoni maltija ingħaqdet mal-35 membru f’din il-Federazzjoni Ewropeja.
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Wheelchair Basketball hija assoċjazzjoni żagħużgħa hekk kif twaqqfet fl-2014.