Fl-ewwel ta’ Mejju se tkun qed tittella’ maratona ġbir ta’ fondi fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun tal-Partit Laburista.
Tkellem dwar dan waqt il-programm Pjazza, id-Deputat Parlamentari u Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Dr Randolph De Battista, fejn spjega kif b’umiltà kbira l-Partit Laburista qed idur lejn in-nies biex permezz tad-donazzjonijiet tagħhom il-ħidma tal-Partit Laburista tkompli tiġġedded u tissaħħaħ.
Spjega kif il-kampanja elettorali li esperjenzajna tul dawn l-aħħar ġimgħat u xhur kienet turija ċara ta’ kif il-Partit Laburista għolla l-livell ta’ kif wieħed jippreżenta kampanja elettorali.
De Battista qal kif il-Partit Laburista biddel il-mod ta’ kif isiru l-attivitajiet tal-massa, permezz tal-attivitajiet li saru tul il-kampanja elettorali u kif dan il-livell li ntlaħaq irid jinżamm u jkompli saħansitra jitjieb, u dan jista’ jkun possibbli permezz ta’ għajnuna mingħand kulħadd.
L-ewwel jum ta’ Mejju se jkun imżewwaq mis-sbieħ tiegħu permezz ta’ logħob mad-Deputati Parlamentari Laburista li wieħed se jkunu jista’ jarahom f’dawl differenti mill-irwol politiku tagħhom, se tkun attività li mhux se tiffoka wisq fuq politika, b’mod partikolari fid-dawl li għadha kif tintemm kampanja elettorali.
De Battista spjega kif waranofsinhar se ningħaqdu fil-Belt fejn il-Partit Laburista u Malta kollha se tkun qed tiċċelebra Jum il-Ħaddiem, fejn hemm se jkunu qed isiru attivitajiet li wieħed m’għandux jitlef, bil-qofol tal-attività jintlaħaq bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Dr Robert Abela.
Rigward ġbir ta’ fondi li qed isiru bieb bieb, De Battista appella lil kull min se jkun qed jagħti donazzjoni biex ikun ċert li n-nies huma uffiċjali mill-Partit Laburista u biex jitolbu rċevuta.
Hu ħeġġeġ lil kulħadd biex f’dan il-jum tant speċjali, jingħaqad f’jum ta’ attivitajiet mill-isbaħ.
Wara l-attività fil-Belt, il-maratona b’risq il-Partit Laburista se tkompli.