Raġel ta’ ħamsa u erbgħin sena ttieħed l-isptar Mater Dei wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Birżebbuġa.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-erbgħa u kwart ta’ waranofsinhar fi Triq Żaren Dalli.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li raġel tilef il-kontroll tal-vettura Nissan Qashqai li nqelbet.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku taw l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lir-raġel l-isptar.
B’konsegwenza tal-impatt żewġ vetturi li kienu pparkjati kellhom xi ħsarat.
It-triq kellha tingħalaq b’konsegwenza li ngħalaq l-aċċess prinċipali fir-raħal minħabba li r-rotta alternattiva madwar ix-xatt tinsab magħluqa waqt li għaddej xogħol ta’ asfaltar.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.