Il-Kamra tal-Kummerċ iltaqgħet ma’ numru ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari fejn ikkomunikat il-prijoritajiet għall-ekonomija ta’ pajjiżna matul din il-leġiżlatura.
Din hija t-tieni darba f’din il-leġiżlatura li rappreżentanti mill-Kamra tal-Kummerċ iltaqgħu mal-Gvern wara laqgħa li saret mal-Prim Ministru ftit tal-jiem ilu.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb laqgħet il-fatt li l-Gvern iltaqa’ mal-istess Kamra kmieni fil-leġiżlatura fi żmien li d-dinja qed taffaċċja sfidi kbar.
Dan b’mod speċjali meta tittieħed inkonsiderazzjoni tal-Gwerra fl-Ukrajna u r-riperkussjonijiet li din qed tħalli fl-ekonomiji madwar id-dinja.
Xuereb innotat ukoll l-impenn tal-Kamra tal-Kummerċ anki fi żmien il-kampanja elettorali fejn kienet preżentat dokument ta’ rakkomandazzjonijiet.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ laqgħet ukoll ir-rispons tal-membri tal-Kabinett li kellhom għal din il-laqgħa.
Qalet, “Aħna naħsbu li dan huwa t-tip ta’ djalogu li jibbenefika ħafna minnu kemm il-Gvern u kemm is-settur privat. Ir-rispons li kellna waqt din il-laqgħa huwa wieħed inkoraġġanti ħafna. Jidher li l-Gvern huwa kommess li jisma’ u li jimplimenta bl-aktar mod li jista’ jiffaċilita t-tkabbir ekonomiku ta’ dan il-pajjiż u aħna kommessi ukoll li nkunu ukoll msieħba f’dan il-proċess ħalli naraw li n-negozji tagħna jimxu ‘l quddiem, il-pagi jitjiebu.”
Id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, li tkellem f’isem il-Gvern, laqa’ l-inizjattiva tal-Kamra tal-Kummerċ li anki f’din il-leġiżlatura qed tkun minn ta’ quddiem biex tressaq l-ideat u l-proposti tagħha.
Fearne fakkar kif minkejja l-isfidi kollha, il-Gvern jinsab kommess li jkompli jisma’ u jiddeċiedi kif għamel tul dawn l-aħħar sentejn ta’ sfida tal-pandemija..
Dan għaliex il-Gvern jagħraf li l-imsieħba soċjali bħal Kamra tal-Kummerċ huma l-mutur tal-ekonomija u tal-kwalità tal-għajxien f’pajjiżna.
Chris Fearne għamel enfasi li fix-xhur li ġejjin ser ikompli jikkonsulta inkluż mal-Kamra tal-Kummerċ fuq sfidi li qed jaffaċċja kull pajjiż, fosthom l-istabbiltà tal-prezzijiet tal-fjuwil, l-enerġija u l-materja prima.
Is-settur tax-xogħol ukoll ser ikun ta’ prijorità f’dawn il-ħames snin, fejn irid ikollna ħaddiema kapaċi fl-akbar ammont possibbli ta’ oqsma anki dawk tas-snajja’, filwaqt li jkompli jiżded in-numru ta’ studenti li jkompli l-istudju tagħhom wara l-età obbligatorja.
Fl-aħħar nett, Fearne irrefera għall-importanza li l-ġid li jinħoloq mill-privat u bl-għajnuna tal-Gvern għandu jasal għand kulħadd u l-għan aħħari għandu jinkludi fih it-titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluż fejn jidħlu l-pagi.
Fl-intervent tagħha l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli għamlet referenza għas-setturi ta’ tkabbir li ser jaħdem fuqhom il-Gvern, b’mod speċjali fejn tidħol is-sostenibbiltà tal-ekonomija.