Bħalma għamel fix-xhur u s-snin li għaddew il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għas-setturi kollha u fl-istess ħin jissalvagwardja l-istruttura tal-ekonomija Maltija.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u li fiha ġie ppreżentat u diskuss il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali għal din is-sena.
Fl-indirizz tiegħu l-Ministru Caruana ta serħan il-moħħ lill-imsieħba soċjali f’pajjiżna li dak li se jkun qed jagħmel il-Gvern sabiex b’mod partikolari jilqa’ mill-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna, mhux se jkun kwistjoni ta’ ftit xhur, iżda ta’ snin.
Qal, “Nixtieq inserħilkom moħħkom li dak li qed naraw, dak li qed naħsbu fih, dak li qed nippjanaw u dak li se nkunu qed nagħmlu mhux se jkun kwistjoni ta’ ftit ġimgħat jew ftit xhur iżda lesti għal maratona illi hemm quddiemna. Bil-mod il-mod nibdew noħroġu mill-maratona tal-Covid imma lesti għall-maratona illi l-isfidi se ġġiba magħha l-gwerra. Inħares ‘il quddiem li nikkolaboraw flimkien u fl-istess waqt inserħilkom moħħkom li dak li se jagħmel il-Gvern se jkompli jagħmlu fix-xhur u snin li ġejjin għaliex nifilħqu nagħmluh u nemmnu li għandna nagħmluh.”
Quddiem l-imsieħba soċjali, il-Ministru Caruana semma wkoll kif il-Gvern qed jagħmel minn kollox sabiex ir-rata tal-inflazzjoni f’pajjiżna ma tarax żieda kbira.
Qal, “Malta, minkejja li r-rata tagħha fl-inflazzjoni żdiedet ukoll, xorta waħda għadha – ikkumparata mal-kumplament tal-pajjiżi – l-inqas waħda fl-Ewropa. Dan mhux b’kumbinazzjoni, dan qed isir għax qed isir sforz enormi mill-Gvern fl-ammont ta’ riżorsi kbar li qed jintefqu sabiex nikontrollaw il-prezzijiet tal-enerġija, fluids u ċertu spejjeż tal-ikel.”
Dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali li se jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni Ewropea fil-jiem li ġejjin, il-Ministru għamel aċċenn dwar it-tnaqqis fl-emmissjonijiet u għal mod kif l-ekonomija tagħna trid tiġi riformata sabiex tindirizza dan kollu.
Hawnhekk huwa qal li minkejja dak kollu li qed jiġri, it-tragwardi tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-tnaqqis fl-emmissjonijiet se jibqgħu fis-seħħ u għalhekk pajjiżna se jibqa’ jaħdem bis-sħiħ sabiex jilħaq il-miri.
Fl-ewwel laqgħa tiegħu mal-MCESD, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal kif il-Gvern, bħal ma għamel dejjem, se jibqa’ jisma’ u jiddjaloga mal-imsieħba soċjali.
Qal, “L-għan tiegħi huwa li nara li d-djalogu soċjali f’pajjiżna jkompli jissaħħaħ u li inthom bħala stakeholders tkunu nvoluti fid-deċiżjonijiet li jkunu qed isiru fil-pajjiż f’oqsma differenti fosthom dawk ekonomiċi, soċjali u ambjentali ta’ pajjiżna.”
Min-naħa tiegħu ċ-Chairperson tal-MCESD, James Pearsall appella lill-imsieħba soċjali kollha sabiex jibqgħu jaħdmu id f’id ma’ xulxin u mal-Gvern ħalli kif ġara fil-pandemija, Malta tegħleb l-isfidi u tibqa’ miexja ’l quddiem.