Tnax-il żagħżugħ u żagħżugħa bid-Down Syndrome mexxew kafetterija għal ġurnata, fejn għal dan il-jum servew il-klijenti huma wkoll. Dan bħala parti mill-proġett ‘Coffee with a Smile’, li tmexxa f’kafetterija fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi, l-ITS.
Dawn it-tnax-il student u studenta huma ħbieb fi ħdan l-Assoċjazzjoni tad-Down Syndrome, u għal dawn l-aħħar snin ilhom jipparteċipaw fi proġetti simili.
Preżenti kien hemm il-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, li awgurat u rringrazzjat lil dawn iż-żgħażagħ.
Hija stqarret kif proġetti bħal dawn huma xhieda ċara tal-kunċett ta’ inklussività fuq il-post tax-xogħol, u kif dan jista’ jsir realtà.
Farrugia Portelli tenniet, “Dan huwa proġett li b’mod tanġibbli qed jurina l-kunċett tal-inklużjoni, ma kif b’mod prattiku, persuna li għandha diżabilità xorta waħda tista’ tagħti kontribut b’saħħtu u importanti fil-ħajja tax-xogħol. Nemmen li dan il-proġett jista’ jkompli jevolvi u jurina b’mod tanġibbli kif iż-żgħażagħ b’diżabilità għandhom rwol importanti anke fl-ekonomija tagħna.”
Il-mira tal-Assoċjazzjoni tad-Down Syndrome huwa sabiex persuni b’diżbilità jkunu jistgħu jgħixu b’mod aktar indipendenti, u jtejbu l-ħiliet tagħhom għall-impjieg.
Il-proġett huwa ffinanzjat mill-Iskema Be Active, li hija mmexxija mill-Aġenzija Żgħażagħ.