Nhar it-Tnejn, ser isir pellegrinaġġ nazzjonali għall-paċi fid-Dinja. Pellegrinaġġ li se jitmexxa mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.
F’dan il-pellegrinaġġ fil-Belt u li se joħroġ mill-Knisja ta’ Ġieżu, se jinħarġu l-Kurċifis Mirakoluż ta’ Ta’ Ġieżu flimkien mal-Istatwa tad-Duluri.
Dan il-Kuriċifiss meqjum b’tant qima u devozzjoni ġeneralment jinħareġ f’ċirkostanzi straordinarji. Patri Ramon Farrugia, il-Gwardjan tal-Knisja ta’ Ġieżu, qal li kienet xewqa tal-Arċisqof li dan il-kurċifiss jinħareġ f’pellegrinaġġ minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Ramon Farrugia tenna,“It-Talba tagħna tal-Insara Maltin għall-Paċi fid-Dinja partikolarment fl-Ukrajna. Il-Pellegrinaġġ se jkun dak tad-Duluri tal-Belt, li ma setgħetx toħroġ il-ġimgħa minħabba r-restrizzjonijiet li kienu għadhom fis-seħħ. Ħassejna li kien mument straordinarju li għalih kelna noħorġu x-xbieha l-Kurċifiss Ta’ Ġieżu. Allura se joħroġ il-Kurċifiss Mirakoluż flimkien li se jakkumpanja lill-istatwa ta’ Ommna Marija Addolorata. L-aħħar li ħarġu flimkien kien fl-1983. Il-Kurċifiss joħroġ biss f’mumenti straordinarji u aħna nemmnu li għandu jseħħ.”
Dan il-kurċifiss mirakoluż mal-milja ta’ żmien ġibed ammont ta’ devoti lejh. Hekk mistenni jerġa’ jiġri t-Tnejn f’dan il-pellegrinaġġ li ser jibda fis-sitta ta’ filgħaxija u li se jserrep mit-toroq tal-Belt fil-ġimgħa li fiha se nfakkru l-mewt u l-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Farrugia stqarr, “Il-Kurċifiss mirakoluż jiġbed in-nies l-ewwelnett minħabba li bħala opra ta’ arti, hi opra li ġgħallek tirrifletti. Hi opra li ddaħħlek fik innifsek u naħseb l-aktar ħaġa hi li tul is-sekli n-nies ġew hawnhekk imtaqqlin jitolbu quddiemu u nqalaw il-grazzji. Kienet in-nies stess li tat dan it-titlu bħala kurċifiss mirakoluż u li baqgħet tkompli miexja tul is-sekli. Bħala ġurnata għada se tkun ġurnata fejn se jkun hawn quddies l-ġurnata kollha, il-kurċifiss se jkun espost il-ġurnata kollha. Imbagħad fis-sitta ta’ filgħaxija joħroġ il-pellegrinaġġ mill-Arċisqof u jkollna quddiesa wara.”