Waqt l-isfida globali tal-pandemija kompla jkun ikkonfermat kif il-Gvern Malti baqa’ jinvesti bis-saħħa fil-politika soċjali.
Dan intqal mill-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon f’intervista ma’ ONE News wara li ħarġet l-aħbar li l-Gvern is-sena li għaddiet investa fis-soċjal, tmienja u tletin miljun ewro iżjed mis-sena ta’ qabel.
Il-Ministru Falzon qal kif il-Gvern m’għażilx it-triq tal-awsterità, jiġifieri dik li jżid it-taxxi fuq il-familji Maltin u Għawdxin.
Tenna, “L-għażla u kienet għażla li ħadniha għax konna konvinti minnha kien li nkomplu ngħinu lin-nies u nagħtu aktar impetus lill-ekonomija tagħna. Jiġifieri minkejja pandemija, kif għedt tajjeb inti, is-somma fuq benefiċċji soċjali żdiedet bi €38 miljun.”
Il-Ministru Michael Falzon qal magħna kif f’disa’ snin ta’ Gvern Laburista, l-investiment fil-politika soċjali kompla jiżdied. Dan hekk kif kien hemm żidiet fil-pensjonijiet u ċ-children’s allowance, fost oħrajn.
Falzon stqarr, “L-ispiża soċjali qatt ma naqset, imma dejjem baqgħet tiżdied. Illum qed nitkellmu, jekk wieħed imur jara x’kienet l-ispiża soċjali lejn l-aħħar tal-2012 u jqabbilha ma’ tal-2021, hemmhekk tara li l-ispiża żdiedet bi €332 miljun. Jiġifieri l-impenn soċjali altru qiegħed hemmhekk taħt din l-amministrazzjoni.”
Il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon saħaq magħna kif minkejja ż-żieda fin-nefqa soċjali, kien hemm tnaqqis ta’ għaxart elef persuna li jiddependu fuq l-assistenza soċjali u fuq l-għajnuna tal-benefiċċju tal-qgħad.
Dan hekk kif pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
Intqal kif il-Gvern se jkompli jaħdem sabiex il-politika soċjali ta’ pajjiżna tissaħħaħ.
Huwa stqarr, “Iva, dan l-impetus irid jibqa’ hemm fis-soċjal. Jiġifieri rridu naraw kif se ngħinu aktar nies, irridu naraw kif ser jirnexxilna nilħqu lil dawk li ma ntlaħqux biżżejjed u rridu nkomplu noħolqu l-ġid. Jiġifieri hemm żewġ uċuħ għall-istess munita; l-ewwel għan huwa ovvjament li tkabbar l-ekonomija li toħloq il-ġid, imma imbagħad xi jkun l-għan aħħari? L-għan aħħari huwa li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini ta’ pajjiżhek.”