L-għaqda favur l-emanċipazzjoni tan-nisa, il-Malta Women’s Lobby fissret il-manuvra tal-Partit Nazzjonalista li Janice Chetcuti ma toħroġx għall-elezzjoni każwali fuq it-tielet distrett u tidħol fil-Parlament bil-mekkaniżmu, bħala daqqa ta’ ħarta għal rappreżentazzjoni iżjed ġusta fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.
Il-Malta Women’s Lobby kritikat dak li għamlet Chetcuti u fissret l-azzjoni tagħha bħala waħda li tellfet post għal nisa oħra li setgħu ġew eletti bil-mekkaniżmu li ntroduċa Gvern Laburista favur rappreżentanza iżjed xierqa bejn is-sessi fil-Parlament.
L-għaqda qalet li l-argument li użat il-kandidata Nazzjonalista biex tagħti ċans kandidat ieħor mill-kostitwenza tat-tielet distrett ma hi xejn għajr skuża u evidentament li l-affarijiet interni tal-Partit Nazzjonalista ħadu prijorità fuq ir-rappreżentanza demokratika fil-pajjiż.
Min-naħa l-oħra, fl-isfond anki li minn tmien siġġijiet fl-elezzjonijiet każwali tal-Partit Laburista, nofshom imtlew minn nisa, il-Malta Women’s Lobby qalet li tinsab sodisfatta li ħafna kandidati nisa pparteċipaw fl-elezzjonijiet każwali.
“Anki jekk kien hemm pressjoni, ċertu nisa xorta ħarġu għall-elezzjonijiet każwali u l-attentat li jkun hemm min jimmanipula s-sistema kienet daqqa ta’ ħarta fuq dawk li għandhom għal qalbhom id-demokrazija”, saħqet il-Malta Women’s Lobby quddiem il-manuvri mill-partit ta’ Bernard Grech.
Il-Partit Nazzjonalista ttardja u ta d-dettalji tas-siġġijiet li kellhom iċedu s-seba’ Deputati li ġew eletti minn żewġ distretti.
Minħabba f’hekk l-elezzjonijiet każwali se jsiru t-Tlieta bil-konsegwenza li l-Parlament se jiġi ffurmat wara minħabba d-dewmien mill-Partit Nazzjonalista li issa l-għaqdiet favur id-drittijiet tan-nisa qed jakkużawh b’manuvri.