Il-Ħadd, nhar il-Ħadd il-Palm, il-Knisja Kattolika tat bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa, li twassal għat-tifkira tal-mewt u l-passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu.
Fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna bierek il-friegħi taż-żebbuġ u daħal solenament bil-friegħi tal-palm sabiex jiċċelebra din is-solenità mal-Kapitlu tal-Katidral. Din tfakkar id-dħul ta’ Ġesù Kristu fil-belt ta’ Ġerusalem, meta ntlaqqa’ bil-friegħi tal-Palm madwar elfejn sena ilu, Ħadd qabel ma ġie kkundanat għall-mewt fuq l-għuda tas-salib.
Fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddies ta’ Ħadd il-Palm nqara r-rakkont tal-Passjoni skont San Luqa. Rakkont li jfakkar il-Passjoni sħiħa ta’ Ġesu Kristu u li jinqara minn tliet ċelibranti. Dan ir-rakkont jinqara f’Ħadd il-Palm minħabba li fil-Ġimgħa l-Kbira ma jsirx quddies.
F’omelija qasira li għamel wara r-rakkont tal-Passjoni, l-Arċisqof fakkar dwar il-passjoni li bħalissa għaddej minnha l-poplu Ukren. Qal li f’din il-ġimgħa li fiha nfakkru l-akbar ġrajja ma nistgħux ma niftakrux f’dan il-poplu u fil-fatt hu stieden lill-poplu Malti sabiex jingħaqad miegħu fit-talb għal paċi fid-dinja. Qal li dak li qed naraw fl-Ukrajna hu konsegwenza ta’ meta l-interessi tal-bniedem u r-rebgħa għal poter jiġu qabel kollox.
Hawnhekk huwa qal kif meta Kristu ġie sfidat fuq is-salib, sabiex isalva lilu nnifsu bħal ma salva nies oħra qabel, ma ġabx l-interessi tiegħu, iżda għadda mit-tbatija u miet imsallab.