Fi Franza, matul il-jum se jkun għaddej l-ewwel rawnd ta’ voti għall-elezzjoni presidenzjali.
Eleġibbli sabiex jivvutaw għal din l-elezzjoni hemm kważi 50 miljun persuna.
Il-President attwali Emmanuel Macron jaf ikun l-ewwel President li jkun rebaħ żewġ elezzjonijiet konsekuttivi mill-2002. Dan hekk kif l-aħħar President Franċiż li rebaħ żewġ elezzjonijiet konsekuttivi kien Jacques Chirac.
F’din l-elezzjoni hemm tnax-il kandidat li qed jikkontesta għal kariga ta’ president. Terz tal-kandidati f’din l-elezzjoni huma nisa.
Skont l-aħħar stħarriġ, l-iżjed żewġ kandidati popolari huma Macron u l-kandidata tal-lemin estrem Marine Le Pen. Iż-żewġ kandidati kienu waslu fl-aħħar rawnd ta’ voti fl-Elezzjoni Presidenzjali tal-2017, elezzjoni li kienet intrebħet b’marġini kbar minn Macron.
L-aktar żewġ kandidati li jġibu voti fl-elezzjoni tal-lum, jikkontestaw fit-tieni u l-aħħar rawnd tal-elezzjoni presidenzjali li se ssir fl-24 ta’ April.