Hekk kif għada ser jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa għas-Summien u wara ħames snin ser jiftaħ dak għall-Gamiem fis-17 ta’ April, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti qed tawgura għal staġun tajjeb u sikur.
Fi stqarrija, l-FKNK tenniet li tisntenna li l-kaċċaturi jimxu mal-liġijiet u r-regolamenti biex b’hekk ikun irrispettat ix-xogħol u d-determinazzjoni tal-istess Federazzjoni għal ftehim li wassal għas-sitwazzjoni preżenti.
L-FKNK ħabbret ukoll li ser isir eżċerċizzju ieħor dwar Kaċċa Sostenibbli tal-Gamiem li ser jinkludi l-parteċipazzjoni volontarja tal-kaċċaturi tul l-istaġun. Dan sabiex jiġi stabbilit l-indiċi msejħa ‘The Sustainable Harvest Index’ fuq il-gamiem tal-gżejjer Maltin.
F’Settembru li għadda l-istess Federazzjoni kienet għamlet studju ‘Eżerċizzju tal-Proporzjon tal-Qbid bejn Gamiem Adult u Frieħ’ li kien ukoll laqa’ fih ammont sostanzjali ta’ parteċipazzjoni mill-kaċċaturi. Liema parteċipazzjoni għenet tipprova li l-kaċċa f’pajjiżna hija waħda sostenibbli.
Għaldaqstant, l-FKNK appellat għal parteċipazzjoni fl-istudju li ser ikun qed isir matul dan l-istaġun. Wieħed jista’ jagħmel dan permezz tal-formola li tista’ tinkiseb minn hawn: https://bit.ly/3jhHL8t jew billi jikseb kopja mill-Uffiċċju tal-FKNK fl-Imsida u diversi ħwienet tal-FKNK f’Malta u Għwdex.
L-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa mistenni jingħalaq fit-30 ta’ April sakemm ma jintlaħqux il-kwoti stabbiliti ta’ qbid nazjzonali ta’ 2,400 summiena u 1,500 gamiema.