Wara t-telfa elettorali kbira li sofra l-Partit Nazzjonalista, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed javvanza ’l quddiem.
Dan intqal waqt intervista li Grech kellu fuq il-midja Nazzjonalista, hekk kif qal li f’sena u nofs kemm ilu jmexxi l-partit hu, il-Partit Nazzjonalista mexa ’l quddiem.
Din f’botta ċara lejn l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Waqt din l-intervista, Bernard Grech reġa’ kkonferma li huwa se jkun qed jikkontesta fl-elezzjoni ta’ Kap. Elezzjoni li qed tkun meqjusa li se jkollha żiemel wieħed. Dan bħal ma għamel l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi meta tellaq waħdu fi żmien l-inkwiet ma’ Franco Debono fl-2012.
Grech qal,“Ħabbart li se nkunu qiegħed nikkontesta l-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit għaliex nemmen li f’dawn l-ewwel sena u nofs. Tista’ tgħid li bħal-lum sena u nofs ilu jiena ġejt maħtur Kap tal-Oppożizzjoni, tapprezzaw u kulħadd japprezza illi f’sena u nofs issa, qabel sena u nofs seħħet ukoll l-elezzjoni ġimagħtejn ilu u f’dawn is-sena u nofs għamilna ħafna xogħol u l-Partit qed javvanza ’l quddiem.”
F’din l-intervista ta’ madwar għoxrin minuta, il-Kap Nazzjonalista qal li anki dawk il-kandidati li ma ġewx eletti se jibqgħu parti mill-Partit Nazzjonalista.
Dan b’referenza għal Jason Azzopardi u Karol Aquilina tal-Blue Heroes, li t-tnejn se jikkontestaw l-elezzjoni każwali, iżda posthom fil-Parlament għadu mhux sigur.
Hu qal, “U se nkun qiegħed nara li kulħadd jibqa’ jkollu l-opportunità illi jekk mhux deputat għaliex ma jkunx ġie elett, jibqa’ allura jaħdem b’xi mod jew ieħor għal ġid tal-partit.”
Bernard Grech appella sabiex id-deputati Nazzjonalista jaqblu biss ma’ dak li jgħid hu.
Dan fi sfond li tal-fazzjoni t’Adrian Delia qed jippuntaw is-swaba’ lejn Grech wara t-telfa elettorali kbira.
Hu qal, “Il-partit għandu bżonn biss lil dawk il-persuni li jridu jimxu ’l quddiem fl-istess direzzjoni.”
Waqt din l-intervista kkonferma li din il-leġiżlatura li bdiet se tkun bħal ta qabilha, jiġifieri ġlied u intriċċi fil-Partit Nazzjonalista.
Grech qal, “Mhux se tittollera li jkun hemm diżgwid, anzi għandna bżonn id-diżgwid.”
Fuq in-NET, Bernard Grech qal ukoll kif f’dawn il-ġimagħtejn, mill-elezzjoni ’l hawn huwa ma tantx ħa ħin off.
Hu qal, “Nista’ ngħid li ftit ħadt ħin off.”