Relikwarju tal-Madonna tad-Dmugħ ta’ Sirakuża tinsab f’pajjiżna għal pellegrinaġġ fi żmien marbut mal-penitenza.
Ir-relikwa tmur lura għal madwar sebgħin sena, meta f’Marzu tal-1953 koppja f’Sirakuża fi Sqallija kellha xbieha tal-Madonna tad-Dmugħ li kienu qalgħu bħala rigal tat-tieġ.
F’Awwissu tal-istess sena beda ħiereġ dmugħ uman mix-xbieha, bil-miraklu dam għaddej għal tlett ijiem.
Folol kbar inġabru biex jaraw il-miraklu b’għajnejhom hekk kif l-aħbar inxterdet madwar Sqallija u lil hinn.
B’din l-aħbar, l-awtoritajiet ekkleżjastiċi waqqfu kummissjoni ta’ tobba li ġabret ammont minn dan il-likwidu li kien qed iċarċar ma’ ħaddejn ix-xbieha.
Permezz tal-likwidu sar studju mirqum fuq l-istess relikwa fejn irriżulta li l-likwidu kellu kompożizzjoni ta’ dmugħ uman.
Aktar tard dan id-dmugħ tpoġġa fir-relikwarju li jinsab f’pajjiżna u li mal-medda tas-snin dar madwar id-dinja biex iwassal il-messaġġ ta’ Marija bħala omm l-umanità.
Ir-relikwarju inġieb f’Malta għat-tielet darba, din id-darba mill-Fratellanza Madonna taċ-Ċintura taż-Żejtun.
Dan fl-okkażjoni tat-300 sena mit-Tberik tal-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun.
L-Arċipriet tax-Xagħra, Għawdex Dun Karm Refalo tkellem magħna u spjegalna r-rabtiet li l-parroċċa tax-Xagħra għandha ma’ dan ir-relikwarju.
Dun Karm Refalo qal, “Ix-Xagħra, tnejn u għoxrin sena ilu dan ir-relikwarju kien ġie t-tieni darba għas-sena tal-Ġublew. Tnejn u għoxrin sena qabel kien ġie l-ewwel darba. Jiġifieri ġie darbtejn f’Għawdex issa din id-darba l-inizjattiva ħaduha hawnhekk fil-parroċċa taż-Żejtun, f’Malta.”
L-Arċipriet taż-Żejtun, Dun Nicholas Pace qalilna kif ir-relikwarju kellu jagħmel din iż-żjara sentejn ilu madanakollu ż-żjara kellha tiġi posposta minħabba l-imxija.
Pace spjegalna s-sinifikat li għandha żjara bħal din b’mod speċjali fi żmien ir-Randan bi preparazzjoni għall-Għid il-Kbir.
Hu stqarr, “J’Alla din tkun okkażjoni għalina li nersqu iżjed lejn Alla l-imbierek. Bħal ma’ Marija kienet daqshekk qrib tiegħu hekk ukoll aħna nkunu nistgħu nkunu qrib tal-Mulej.”
Bħala parti mill-pellegrinaġġ li qiegħed jagħmel ir-relikwarju f’pajjiżna, l-Isqof ta’ Malta Charles Scicluna ikkonċelebra quddiesa solenni fil-Paroċċa taż-Żejtun fejn fiha attendew il-President ta’ Malta George Vella flimkien ma’ martu Miriam Vella.
Ir-relikwarju ser ikun qiegħed esebit ukoll għal pubbliku f’Għawdex bejn il-11 u t-12 ta’ April.