Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami akkuża lill-Gvern Laburista bix-xiri tal-voti.
Id-deputat tal-establishment u wieħed miż-żwiemel ewlenin li ħadem qatigħ kontra vot demokratiku biex jitqaċċat l-eks Kap Adrian Delia, qal dan fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.
Dan ftit jiem biss wara li l-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni ġenerali bl-akbar distakk mill-Indipendenza lil hawn.
Fil-fatt Beppe Fenech Adami qal kif il-Partit Nazzjonalista għandu jagħmel tiegħu l-ġlieda dwar l-użu tal-finanzjament tal-partiti.
“Jiena nemmen li iva f’din il-leġislatura l-Partit Nazzjonalista għandu jagħmel waħda mill-prijoritajiet tiegħu l-liġi tal-finanzjament tal-Partiti.”
Konvenjentament Beppe Fenech Adami naqas milli jsemmi l-iskema sigrieta taċ-ċedoli.
Skema ta’ self sigriet li permezz tagħha l-Partit Nazzjonalista daħħal il-flus baxx baxx mingħajr ma jikxef l-identità ta’ dawk li jkunu tawh il-flus.
Fenech Adami fil-fatt b’mod dirett tenna li l-Partit Laburista xtara r-rebħa fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet madankollu nesa kif kien taħt Gvern Nazzjonalista li nkixfu emails skandalużi dwar ingaġġi fil-Wasteserv, bil-perċimes ikun dak li kien l-id il-leminija ta’ Bernard Grech, Ray Bezzina li dak iż-żmien kien Chief of Staff tal-Ministru George Pullicino.
Emails li kixfu wkoll kif Beppe Fenech Adami kien kellem lill-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv ta’ dak iż-żmien Vincent Magri biex jingaġġa persuni partikolari.
Dan il-passat ikkulurit tal-Partit Nazzjonalista u Beppe Fenech Adami madankollu ma waqqafx lid-Deputat ewlieni tal-establishment milli jgħid hekk.
“Huwa obbligu tal-Partit Nazzjonalista, min issa qed ngħid, mhux 5 snin oħra, mhux lejliet elezzjoni, irridu nindirizza bil-mezzi kollha, nistgħu nagħmlu diskussjonijiet kbar ta’ x’għandhom isiru u x’inhuma l-mezzi kollha li għandna biex naraw kif nistgħu nindirizzaw din il-problema tax-xiri tal-voti.”
Intant Beppe Fenech Adami kompla bil-kampanja tal-establishment biex jagħti mbuttatura lill-Kap Bernard Grech biex iżomm postu fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista.
Dan minkejja r-riżultat elettorali diżastruż li ġarrab l-istess Partit Nazzjonalista.
“Kellna Kap tal-Partit Nazzjonalista li fil-fehma tiegħi pperformja u pperformja tajjeb ħafna fil-kampanja elettorali.”