Il-barbier Antonio Camilleri ġie ordnat jagħti kumpens ta’ erbat’elef u disa’ mitt ewro wara li keċċa barbier b’mod inġust.
Il-barbier Salvatore Sicurella kellu kuntratt ta’ sentejn, madanakollu tkeċċa f’nofs il-kuntratt meta fetaħ kawża kontra s-sid fejn allega li tkeċċa mix-xogħol għax ma riedx jaqdi klijent wara l-ħin tax-xogħol.
Camilleri tenna li Sicurella kien jasal tard għax-xogħol u kien iħalli lill-klijenti jistennew minkejja diversi twissijiet.
Sicurella ċaħad li kien jittardja b’mod frekwenti imma qal li kulma ttardja tliet darbiet filwaqt li lmenta li s-sistema tal-appuntamenti kienet twassal għal klijenti żejda.
Rigward is-sistema tal-appuntamenti, it-Tribunal ippresedut minn Doreen Parnis innota kif ma tara xejn ħażin li impjegat juri d-disaprovazzjoni tiegħu.
B’hekk ikkonkludiet li t-tkeċċija tiegħu kienet illegali u ordnat lil Camilleri iħallas il-kumpens lill-barbier.