Il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo ħabbar li mhux ser jerġa’ jikkontesta l-kariga ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista meta jispiċċalu t-terminu attwali.
Huwa ħabbar dan fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista t-Tlieta filgħaxija.
“Hawnhekk nannunzja li jien mhux se nikkontesta għal xi kariga ġdida fi ħdan il-PN meta jispiċċali t-terminu tal-Viċi Kap.”
F’intervista flimkien mal-Eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, spikkaw il-botti ta’ Arrigo meqjus bħala l-id il-leminija ta’ Delia nnifsu u figura ewlenija fil-fazzjoni tiegħu.
Fil-fatt, Robert Arrigo tkellem dwar l-aħħar telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
F’botta ċara lejn l-establishment tal-Partit Nazzjonalista u lil Bernard Grech, Arrigo spjega li huwa ma kien involut xejn fil-kampanja elettorali.
“Jiena ma kont involut fil-kampanja xejn. ”
Irrimarka wkoll l-problemi tal-Partit Nazzjonalista għaliex tilef din l-elezzjoni.
“Hemm xi ħaġa ikbar għaliex il-Partit mar daqshekk ħażin. Dwejjaq kbar.”
Fost affarijiet oħra semma n-negattività.
Element li kien jiddomina sew fid-diskors tal-Kap Nazzjonalista, Bernard Grech.
“Tmur iżjed kieku imma mhux fin-negattiv imma fil-pożittiv. Illum jiena nara anke fuq personali li għad hawn nies li jobgħodu. It’s a very hard word I know. ”
Arrigo għadda botta ċara wkoll lil Bernard Grech, li qal li jrid jibqa’ Kap Nazzjonalista anki jekk ġarrab l-akbar telfa elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Fil-fatt Arrigo qal li hu se jerfa’ r-responsabilità billi ma jikkontestax għall-ebda kariga fil-Partit Nazzjonalista iżda Bernard Grech ma jidhirx li se jagħmel bħalu, hekk kif qal li jrid jibqa’ Kap.