Malta se tkun qed tinbidel fil-Libja għall-ġbid tal-film “Hounds of War”, li se jħalli fl-ekonomija Maltija aktar minn sitt miljun u nofs ewro.
Il-produzzjoni gawdiet ukoll mill-Cash Rebate għall-produzzjonijiet li inħadmu f’Malta.
Fost l-atturi li se jieħdu sehem jispikka Frank Grillo, magħruf l-iktar għall-parti ta’ Brock Rumlow fil-film ‘Captain America: The Winter Soldier’.
Grillo stqarr li Malta hija destinazzjoni ideali għall-ġbid tal-films, bl-attur ta’ sitta u ħamsin sena imwieled l-Amerka wieġeb li pajjiżna għandu potenzjal kbir f’din l-industrija.
“I think everything you have here is top notch. I mean I think it got an old world feel, but it also got cosmopolitan, and very cool. There was never a time when I was running out of things to do, I would never get bored.”
Il-postijiet magħżula għall-ġbid tax-xeni varji f’din il-produzzjoni huma n-Naxxar, il-Belt, Wied il-Għajn, l-Imdina u l-Università Amerikana ta’ Malta.
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li din il-produzzjoni se tkun qed tipprovdi wkoll xogħol lil madwar mija u disgħa u sittin ħaddiem li aktar minn nofshom huma Maltin.
“Qed naraw aktar crews lokali, ikomplu jaħdmi fuq produzzjonijiet. L-irwol tal-Kummissjoni huwa li nġibu aktar produzzjonijiet minn barra u naraw produzzjonijiet lokali jirnexxu ġewwa pajjiżna. Fil-fatt, komplejna nsaħħu l-inċentivi finanzjarji lejn produzzjonijiet li jinħadmu f’pajjiżna biex b’hekk naraw aktar xogħol u pagi aħjar għal nies tagħna.”
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li meta d-diretturi ta’ dan il-kalibru jagħżlu lil Malta, ikunu qed jagħtu ċertifikat ta’ kwalità lill-industrija tal-films f’pajjiżna u li jservu mhux ftit biex Malta tibqa’ rinomata bħala destinazioni ta’ eċċellenza għal ġbid tal-films.
“Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin aħna impenjati li nkomplu nsaħħu din l-industrija sabiex b’hekk naraw lil Malta tkun gżira ta’ opportunitajiet għal din l-industrija hekk vibranti u dinamika għal pajjiżna.”