Matul is-sena li għaddiet in-nefqa soċjali fosthom fuq il-pensjonijiet u benefiċċji soċjali oħra żdiedet bi tmienja u tletin miljun u tliet mitt elf ewro (€38.3 miljun).
Dan meta mqabbel ma’ sena qabel.
Skont statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, in-nefqa soċjali tal-Gvern matul l-2021 laħqet somma rekord ta’ biljun u mija u ħmistax-il miljun u mitejn elf ewro (€1,115.2 miljun).
Fattur ewlieni f’din iż-żieda fin-nefqa soċjali globali kienet iż-żieda li ta l-Gvern fil-pensjonijiet tal-irtirar, tar-romol, tal-invalidità kif ukoll fil-pensjoni mhux kontributorja tal-età.
In-nefqa tal-Gvern fil-benefiċċji kontributorji kienet ta’ ftit aktar minn disa’ mija u erbatax-il miljun ewro (€914.2 miljun).
Din is-somma hija ta’ 4.1% iżjed minn sena qabel.
Il-Gvern investa tlieta u erbgħin miljun u mitt elf ewro (€43.1 miljun) aktar fil-pensjonijiet, minn sena qabel.
In-nefqa fil-benefiċċji mhux kontributorji wkoll żdiedet fuq sena qabel u laħqet is-somma ta’ mitejn u miljun ewro (€201 miljun).
Din is-somma fissret nefqa ta’ 1.2% iżjed minn sena qabel.
L-akbar żidiet notevoli fil-benefiċċji mhux kontributorji kienu fl-allowance supplimentari, b’erba’ miljun u mitejn elf ewro (€4.2 miljun) u fiċ-children’s allowance, b’żewġ miljun u mitt elf ewro (€2.1 miljun).
Kien hemm żieda wkoll ta’ kważi nofs miljun ewro (€0.4 miljun) fin-nefqa tal-għotjiet għall-persuni b’diżabilità.
Skont l-istatistika tal-NSO kien hemm mal-ħamsa u ħamsin elf, ħames mija u tmienja u sittin (55,568) persuna li gawdew mill-pensjoni filwaqt li qrib il-ħamsa u erbgħin elf familja (44,490) gawdew miċ-children’s allowance.
Fi stqarrija l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon innota din iż-żieda u fisser li dan it-tkabbir seħħ grazzi għat-titjib qawwi li sar fil-kundizzjonijiet u r-rati ta’ diversi benefiċċji.
Fil-fatt stqarr li fl-aħħar disa’ snin, il-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali żdiedu b’tliet mija u tnejn u tletin miljun ewro.
Il-Ministru Falzon tenna li l-akbar sodisfazzjon kien li tul dawn l-aħħar snin kien hemm tnaqqis ta’ għaxart elef persuna li jiddependu fuq l-assistenza soċjali u fuq l-għajnuna tal-benefiċċju qgħad.