Il-Pulizija għadda qed tistabilixxi d-dinamika tal-każ li wassal għal sejba ta’ raġel maqtul f’bagoll f’karozza fil-Wied Ħal Qormi.
Fosthom jekk il-persuna li nstabet mejta nqatlix fil-post fejn instabet.
Il-katavru li nstab għadu ma ġiex identifikat minħabba li nstab fi stat qawwi ta’ dekompozizzjoni u se jkunu t-testijiet li jikkonfermaw jekk il-katavru huwiex ta’ sid il-karozza li fiha nstab, jiġifieri ta’ Mario Farrugia ta’ 62 sena minn Pembroke.
Għalhekk l-awtopsja se tiddermina l-identità tal-katavru li nstab.
Farrugia għadu rappurtat nieqes u l-aħħar li deher kien nhar it-28 ta’ Marzu.
Il-karozza tat-tip Peugout 407 bi pjanċi tar-reġistrazzjoni BGY 074 hi reġistrata fuq Farrugia.
ONE News jista’ jikkonferma li l-karozza nstabet imsakkra u sa issa ċ-ċwievet ma nstabux fil-karozza.
Kien għal ħabta tal-10:30 tat-Tlieta filgħodu li l-Pulizija daħlilha rapport li fi Triq il-Wied f’Ħal Qormi kien hemm karozza pparkjata, karozza tat-tip Peugout ta’ lewn griż li minnha kienet ħierġa riħa tinten.
Malli l-Pulizija ġew fuq il-post u fetħu l-bagoll ta’ din il-karozza sabu katavru b’wiċċu mgħotti.