Il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo ħabbar li mhux se jerġa’ jikkontesta għall-kariga ta’ Viċi Kap u għall-ebda kariga oħra fil-Partit Nazzjonalista.
Id-Deputat Nazzjonalista li kien leali lejn Adrian Delia u ħadem miegħu anki fil-kampanja għall-Kap Nazzjonalista li fiha tqaċċat Delia u laħaq Bernard Grech, saħaq dan fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista llejla.
Arrigo qal li hemm xi ħaġa kbira għaliex il-Partit Nazzjonalista ġarrab telfa elettorali u jħossu responsabbli għal dan.
Dan qalu anki jekk Bernard Grech, li kien il-Kap li ġarrab l-akbar telfa elettorali għall-Partit Nazzjonalista mill-Indipendenza ’l hawn, saħaq li jrid jibqa’ Kap tal-Partit Nazzjonalista u se jitlob biss il-konferma biex jibqa’ Kap.
Arrigo saħaq ukoll li anki jekk kien Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, ma kien involut xejn fil-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Arrigo qal dan wara li spjega kif ġabar eluf ta’ ewro għall-Partit Nazzjonalista biex jintużaw fil-kampanja elettorali.