Żagħżugħ ta’ 28 sena minn Bormla wieġeb mhux ħati wara li tressaq il-Qorti akkużat li sawwat lis-sieħba tiegħu, li hija tqila, b’manku ta’ xkupa.
Ir-raġel li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, deher quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella llum waranofsinhar akkużat li kkaġuna ġrieħi ħfief u li attakka lis-sieħba tiegħu li magħha qed jistenna tarbija.
Il-Prosekuzzjoni qalet kif fit-3 ta’ April ġewwa l-Belt ssejħet l-assistenza tal-pulizija wara li mara dehret tiġri barra u tgħajjat waqt li kellha d-demm ħiereġ minn ferita f’rasha.
Id-Difiża allegat li r-raġel ireaġixxa wara li ġie attakkat b’imqass waqt argument bejn il-koppja.
Il-Maġistrat Gabriella Vella, wara li semgħet is-sottomissjonijiet, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-kundizzjoni li l-akkużat ma jikkuntattjax bl-ebda mod lill-vittma u li jiffirma ġewwa l-għassa ta’ Bormla tliet darbiet fil-ġimgħa.
Ġiet imposta wkoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.