Il-Programm tal-Iskejjel tal-Wheelchair Basketball Swish, huwa mfassal biex jeduka lill-għalliema u l-istudenti dwar dan l-isport u jħeġġeġ liż-żgħażagħ, b’diżabilità jew mingħajrha, biex ikunu fiżikament attivi. Il-programm inklussiv jiġġenera għarfien għall-parasport u jippromwovi bidla lejn -attitudni pożittiva lejn id-diżabilità.
Dan l-aħħar, il-Kumitat Olimpiku Malti ta’ l-appoġġ tiegħu lill-inizjattiva Wheelchair Basketball fl-iskejjel Maltin li qed tiġi organizzata mill-Ministeru għall-Edukazzjoni Ċentru għall-Isport u l-Edukazzjoni Fiżika b’kollaborazzjoni ma’ Aġenzija Żgħazagħ.
L-inizjattiva ġiet milqugħa minn diversi skejjel governattivi, tal-knisja u privati li laqgħu l-istedina biex jieħdu sehem fi programm, li qed jitmexxa minn kowċis ipprovduti mill-Kumitat Olimpiku Malti.
“Il-wheelchair basketball qed jikseb għarfien bħala sport idejali għall-edukazzjoni fiżika inklużiva fl-iskejjel, billi jippermetti l-logħob minn studenti b’abbiltajiet imħallta. Il-wheelchair basketball jagħti esperjenza tajba kemm bħala logħob kif ukoll għall-ispettaturi peress li l-logħob huwa mgħaġġel, u jeħtieġ veloċità u ħila.” irrimarka Kevin Azzopardi, Segretarju Ġenerali, Kumitat Olimpiku Malti.
L-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti lejn Wheelchair Basketball ilu jingħata, u f’dawn l-aħħar snin, permezz tal-Inizjattiva Sports for All tal-KOM, l-ispot ra ħames siġġijiet tar-roti jingħataw bħala parti mill-kontribut tagħha lejn l-isforzi biex tiżdied l-inklużjoni fl-isport.