F’għeluq ir-raba’ jum tan-nominazzjonijiet għall-elezzjonijiet każwali daħlu aktar nominazzjonijiet.
In-nominazzjonijiet daħlu tnejn fuq it-tieni distrett, mill-Kandidati Laburisti Glenn Bedingfield u Oliver Scicluna, biex jimtela’ l-post li ċeda l-Ministru Clyde Caruana.
Nominazzjonijiet oħra daħlu fuq ir-raba’ distrett mill-Kandidati Laburisti Glenn Bedingfield, Katya De Giovanni u Oliver Scicluna, sabiex hawnhekk jimtela’ post id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne.
Sabiex jimtela’ post il-Prim Ministru Robert Abela fuq il-ħames distrett tefgħu n-nominazzjoni tagħhom il-Kandidati Laburisti Omar Farrugia u Mario Joseph Sammut.
Għall-post tal-Ministru Ian Borg fuq is-sitt distrett, tefgħu n-nomina tagħhom Malcolm Paul Agius Galea, Sean Apap Meli, Fiona Borg, Joseph Cutajar, Rosianne Cutajar, Katya De Giovanni u Omar Farrugia.
Daħlet nominazzjoni oħra fis-seba’ distrett minn Malcolm Paul Agius Galea sabiex jimtela’ post il-Ministru Silvio Schembri.
Fil-ħdax il-distrett elettorali fejn hemm post li tbattal mill-Ministru Miriam Dalli, tefgħet in-nomina tagħha l-Kandidata Laburista Romilda Baldacchino Zarb.