Fl-aħħar sigħat tiegħu fuq artna, il-Papa Franġisku żar il-Laboratorju tal-Paċi mmexxi minn Patri Dijonisju Mintoff f’Ħal Far.
F’dan il-post li fih jilqa’ bosta immigranti li ħarbu minn pajjiżhom minħabba l-gwerer, il-Papa wassal messaġġ ferm b’saħħtu dwar l-immigrazzjoni madwar id-dinja.
Is-suċċessur ta’ Pietru beda l-messaġġ tiegħu bil-lingwa Taljana billi qal li bħal ma għamel f’pajjiżi oħra huwa ġie hawn biex jgħid lill-immigranti li jinsab magħhom, jinsab fosthom sabiex jara l-uċuħ tagħhom u biex iħares f’għajnejjhom.
Ma naqasx li jappella lill-Maltin, l-Għawdxin u lid-dinja kollha sabiex titlob għal dawn ħutna li qed jirriskjaw ħajjithom fl-ibħra sabiex ifittxu tama.
F’messaġġ lill-immigranti l-Papa Franġisku qalilhom li huma mhumiex numri, imma persuni tad-demm u l-laħam.
Il-Papa xegħel xemgħa quddiem ix-xbieha tal-Madonna.
Dan il-ġest, b’tifsira qawwija, il-Papa ddeskrivih bħala simbolu ta’ tama sabiex twieżen lill-immigranti f’mumenti iebsa.
Fid-diskors tiegħu Patri Dijonisju Mintoff irringrazzja lill-Papa li fiż-żjara qasira f’pajjiżna, ried li jiltaqa’ mal-immigranti f’Ħal Far.
Hawnhekk spjega li l-ħidma tiegħu bħala nisrani tara li dawk in-nies li qed jaħarbu minn djarhom u jinfirdu mill-familji tagħhom isibu ħajja aħjar b’futur isbaħ.
F’din iż-żjara tkellmu wkoll żewġ immigranti li taw l-esperjenza xejn sabiħa ta’ meta ħarbu minn art twelidhom.
Hawnhekk il-Papa deher emozzjonat u sema’ fis-skiet il-weġgħat tagħhom.
Fl-aħħar attività tiegħu f’Malta, il-Papa Franġisku tkellem mal-immigranti preżenti fosthom tfal.
Mument ħelu kien meta l-Papa qabad karlotta, iffirmaha u taha lil Patri Dijonisju Mintoff.