Adam Akinolu, Niġerjan ta’ 24 sena fil-Qorti wieġeb mhux ħati li saq b’mod perikoluż u kkaġuna ġrieħi fuq persuna oħra.
Il-ġuvni, li jaħdem fis-settur tal-iGaming f’Malta kien involut f’inċident ma’ karozza oħra nhar il-Ħamis li għadda.
Dakinhar il-Pulzija ġiet infurmata li kien hemm ħabta fi Triq tal-Balal fil-Għargħur fejn l-akkużat ittieħed bl-ambulanza l-isptar, flimkien ma’ tfajla ta’ 23 sena, li l-Pulizija qalet li ġarrbet ġrieħi serji.
Fil-ħabta kienet involuta wkoll Mercedes oħra misjuqa minn tfajla ta’ 28 sena mis-Swieqi.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest hekk kif ġie spjegat li dan l-inċident ma kienx intenzjonat.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Lara Lanfranco laqgħet din it-talba b’garanzija personali ta’ €2,000, depożitu ta’ €1,000, li l-akkużat jiffirma erba’ darbiet fil-ġimgħa fl-għassa tal-Qawra u li jkun id-dar mal-lejl.