Fil-gazzetta MaltaToday ippubblikata ġimgħa wara r-riżultat tal-elezzjoni ġenerali, il-ġurnalist t’esperjenza Savior Balzan irrimarka li jrid ikollok il-wiċċ biex tipprova tiftaħar li l-Partit Nazzjonalista mhuwiex maqsum.
Dan b’reazzjoni għall-kummenti ta’ Bernard Grech li għamel fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista ftit minuti qabel il-wasla tal-Papa Franġisku f’Malta, fejn hawnhekk Grech qal li rnexxielu jgħaqqad il-Partit Nazzjonalista.
Manuvra li Balzan iddeskriviha bħala notevoli, jekk mhux idjotika.
Fl-artiklu bl-isem, ‘The prayer we need to be reciting’, Saviour Balzan innota kif Bernard Grech ħareġ fil-beraħ jitkellem għall-ewwel darba wara skiet itarrax mill-Partit Nazzjonalista minn meta tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali.
Balzan irrimarka li dan sar b’intenzjoni hekk il-Partit Nazzjonalista sab ix-xoqqa f’moxtha u skeda intervista fi żmien fejn l-attenzjoni tal-pubbliku tkun iffokata fuq iż-żjara tal-Papa f’Malta.
Il-ġurnalist veteran innota wkoll kif l-intervista kienet biss telefonata u mhux stedina televiżiva fuq il-midja Nazzjonalista fejn fiha Grech għadda messaġġ bażiku biex iżomm sens ta’ tama.
Però hawnhekk Balzan stqarr li jrid ikollok wiċċ biex tgħid li l-Partit Nazzjonalista huwa magħqud b’mod speċjali meta fl-ewwel jum ta’ kampanja elettorali, ġew iritirati erba’ kandidaturi ta’ eks membri parlamentari stabbiliti.
Stqarrija li ħalliet impatt fuq l-ammont ta’ nies li ħarġu jivvotaw f’distretti li tradizzjonalment ixeqilbu lejn il-Partit Nazzjonalista.
Balzan qal li fl-ebda demokrazija parlamentari ma jkun hemm partit li jitlef tliet darbiet u jiddikjara li ser iżomm il-kap tiegħu u jerġa’ jittanta xortih.
Hawnhekk il-ġurnalist qal li l-attitudni tal-Partit Nazzjonalista trid tinbidel. Sostna li s-sentiment ta’ arroganza u l-idea li n-naħa l-oħra hija grupp ta’ kretini korrotti trid tinqata’ darba għal dejjem.
Fl-artiklu ntqal li l-Partit Nazzjonalista jirrifjuta li jieħu riskju politiku u hawnhekk għamel referenza għall-kwistjoni tal-kannabis u l-mina bejn Malta u Għawdex fejn Bernard Grech kellu pożizzjonijiet kunfliġenti.
Balzan qal li din il-ġimgħa, wara l-elezzjoni, kellu jseħħ dibattitu maġġuri dwar il-futur tal-Partit Nazzjonalista iżda dan mhuwiex isir.
Hawnhekk il-ġurnalist qal li t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista m’għandhiex tkun f’idejn Grech u l-persuna li jmiss li ser tkun qed taffaċċja l-elezzjonijiet li jmiss mhux ser tkun Bernard Grech.