Matul din l-aħħar ġimgħa il-poplu Malti kellu l-opportunità sabiex jixtarr l-ewwel riżultati tal-Elezzjoni Ġenerali.
Kienu bosta li fil-fatt argumentaw li l-fazzjoni tal-Blue Heroes fil-Partit Nazzjonalista ngħatat daqqa ta’ ħarta mill-elettorat b’mod speċjali meta wieħed jara li d-destin elettorali ta’ Jason Azzopardi u ta’ Karol Aquilina għad irid jiġi deċiż.
Minkejja dan, il-gazzetta Kullħadd innutat li Azzopardi u Aquilina qatt ma kienu l-heavyweights tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt jekk wieħed iħares lejn l-istatistika, fl-elezzjoni ġenerali tal-elfejn u sbatax, bejniethom Azzopardi u Aquilina kisbu l-ewwel preferenza ta’ tlett elef, sitt mija u sebgħa votanti biss. U dan minkejja li bejniethom ħarġu fuq tliet distretti differenti.
Meta wieħed imbagħad jikkunsidra l-Blue Heroes kollha li kkontestaw l-elezzjoni ġenerali tal-2017, isib li flimkien dawn kienu ġabu sitta u sittin elf, tliet mija u tmintax-il vot jew kważi nofs il-vot Nazzjonalista kollu.
Fl-elezzjoni ta’ din is-sena, il-fazzjoni tal-Blue Heroes kisbu sitta u għoxrin elf, seba’ mija, erbgħa u ħamsin vot iżda dan it-tnaqqis, tinnota l-gazzetta, huwa dovut għal erba’ eks membri parlamentari li din is-sena ma kkontestawx l-elezzjoni ġenerali u kien hemm minnhom li rtiraw il-kandidatura fl-ewwel jum tal-kampanja elettorali.
Jekk wieħed ineħħi għalkollox il-kontribut ta’ dawn il-kandidati, fl-elfejn u sbatax din il-fazzjoni tkun kisbet sitta u tletin elf, sitt mija, tlieta u erbgħin vot, iġifieri sebgħa u għoxrin fil-mija tal-vot Nazzjonalista.
Il-gazzetta Kullħadd xorta waħda nnutat li hemm differenza ta’ għaxart elef vot bejn ir-riżultat ta’ din is-sena u dak tal-elfejn u sbatax mingħajr il-kontribut ta’ erba’ kandidati partikolari.
Il-Kullħadd qalet li dan it-tnaqqis huwa minħabba l-prestazzjoni katastrofika tal-eks Viċi-Kapijiet Beppe Fenech Adami, Mario De Marco u anki sa ċertu punt Chris Said.
Fil-fatt jekk wieħed jeskludi lil Fenech Adami, De Marco u Said, b’mod inġenerali, ħafna mill-Blue Heroes kisbu riżultat aħjar din is-sena.
Dan joħroġ biċ-ċar mir-riżultati li kisbu fost oħrajn, Claudette Buttigieg, Kevin Cutajar, Karol Aquilina, Ryan Callus u Stephen Spiteri.
Minkejja din iż-żieda però, kienu biss Ryan Callus u Stephen Spiteri li ġew eletti mal-ewwel għadd tal-voti u saħansitra minn żewġ distretti elettorali.
Il-gazzetta Kullħadd temmet tgħid li minkejja kollox, il-fazzjoni tal-Blue Heroes, kemm bħala rappreżentanti parlamentari tal-establishment li jifrex iżjed ‘il barra mill-Partit kif ukoll dawk li poġġew lill-Kap Nazzjonalista attwali fil-pożizzjoni, tibqa’ sezzjoni sinifikanti għall-Partit Nazzjonalista.
Apparti hekk, il-kampanja elettorali ta’ din is-sena ħarġet fid-deher li l-Blue Heroes kapaċi jakkwistaw membri ġodda biex ikomplu jimblukkaw aktar nies milli jiksbu dominanza fil-Partit ta’ Bernard Grech.