Waqt l-Anġelus wara l-quddiesa, il-Papa Franġisku qal kif huwa se jżomm lil Malta f’qalbu.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li huwa se jibqa’ jgħożż f’qalbu tant uċuħ u l-wiċċ imdawwal ta’ pajjiżna.
Il-Papa qal kif f’dawn il-gżejjer ħass is-sens tal-poplu t’Alla.
Huwa appella lill-poplu Malti sabiex jibqa’ miexi hekk u jiftakar li permezz tal-fidi tikber fil-ferħ.
Hawnhekk il-Papa Franġisku kellu messaġġ lejn iż-żgħażagħ fejn qalilhom biex iżommu fiċ-ċentru tagħhom il-figura ta’ Ġesù sabiex ikollhom il-ferħ f’ħajjithom.
Il-Papa żied jgħid kif Alla tal-ħniena jemmen fiż-żgħażagħ, iħobb il-ħajja tagħhom u qatt mhu se jqarraq bihom.
Il-Papa Franġisku talab għall-paċi, minħabba l-gwerra fl-Ukrajna.
Huwa temm il-messaġġ tiegħu tal-Anġelus sabiex ma nieqfu qatt nitolbu u ngħinu lil dawk li qed ibatu.
Waqt l-Anġelus, il-Papa Franġisku rringrazzja lill-Awtoritajiet ta’ pajjiżna talli organizzaw din iż-żjara tiegħu.