Fil-Katidral tal-Imdina sibna kalċi u salib lesti sabiex jinżlu lejn il-Fosos tal-Furjana, sabiex nhar il-Ħadd li ġej filgħodu jintużaw waqt il-quddiesa li se jqaddes Papa Franġisku.
Dun Jesmond Manicaro, li flimkien ma’ oħrajn qed jieħdu ħsieb sabiex issir il-quddiesa mill-Papa Franġisku, se tkun segwita minn eluf madwar id-dinja.
Dun Manicaro spjega magħna kif il-preparazzjonijiet ilhom għaddejjin għal ġimgħat sħaħ.
Qal, “Bdejna kif tħabbret il-viżta tal-Papa. L-ewwel ma tibda tgħid meta ġej il-ġurnata, allura konna nafu li ġej fir-Randan, allura għandna l-quddiesa tal-ħames Ħadd tar-Randan. Imbagħad nibdew niddiskutu l-punti taċ-ċelebrazzjoni mal-Uffiċjali taċ-Ċerimonjiera tal-Papa, b’liema lingwa se jqaddes il-Papa, il-Papa se jqaddes bit-Taljan, imma l-Liturġija tal-Kelma – l-Ewwel Qari, it-Tieni Qari, is-Salm u l-Vanġelu se jkunu kollha bil-Malti.”
Dun Jesmond Manicaro spjega magħna kif għal din il-quddiesa li se jkun hemm preżenti għaliha madwar tnax-il elf persuna, se jkun hemm tliet korijiet.
Qal, “Għamilna tliet korijiet: wieħed tat-tfal, wieħed tal-kbar u ieħor li se jmexxi lin-nies. Ħa jkollna wkoll is-sehem, allura kellna diskussjonijiet mal-Malta Philharmonic Orchestra li offrew ġentilment is-servizz tagħhom f’din il-liturġija. Kellhom allura jsiru l-arranġamenti mużikali għal dawn l-innijiet.”
Dun Manicaro spjega magħna kif it-Talb tal-Fidili se jkun b’lingwi differenti sabiex jirrappreżentaw il-komunitajiet kollha li jgħixu f’pajjiżna.
F’din il-quddiesa, il-Papa Franġisku se jkun qed jilbes pjaneta vjola, il-kulur tar-Randan, li fuqha jispikkaw it-tmien slaleb ta’ Malta – tlieta quddiem, tlieta fuq wara u tnejn fil-ġenb.
Il-kalċi li ser juża l-Papa Franġisku huwa dak li użaw qablu l-Papiet li ġew f’pajjiżna. Qabel il-Papa Franġisku żaru pajjiżna l-Papa Ġwanni Pawlu II fl-elf disa’ mija wieħed u disgħin u fl-elfejn u wieħed u l-Papa Benedittu XVI fl-elfejn u għaxra.
F’din iċ-ċerimonja ser jintuża salib li jġorr miegħu storja kbira. Dan hekk kif dan ġie minn Rodi mill-Kavallieri meta ġew f’Malta fl-elf ħames mija u tletin. Fuq dan is-salib hemm ukoll San Ġwanni l-Battista, li huwa l-patrun tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. B’dan is-salib ġie rrestawrat apposta għal din l-okkażjoni ferm speċjali.
Dun Jesmond Manicaro spjega magħna kif għal din iċ-ċerimonja ser jintużaw l-artal u l-ambone fil-Knisja ta’ San Bastjan ta’ Ħal Qormi, li huma xogħol tal-artist Ġanni Bonnici.
Intant il-Papa huwa dejjem ambaxxatur favur il-paċi u mistenni juża lil Malta biex minnha jgħaddi messaġġ importanti favur il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna.
Il-Papa anki se jagħmel ir-reċita tal-Anġelus wara l-quddiesa fil-Floriana.